Shaun Caruana ta’ 28 sena residenti Raħal Ġdid inżamm arrestat wara li ġie mixli b’sensiela ta’ serqiet minn diversi lokalitajiet.
Huwa kien arrestat is-Sibt li għadda fil-Ħamrun wara li fl-istess jum kien inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu hekk kif kien qed jiġi investigat dwar l-allegati serqiet.
Caruana kien mixli li fil-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru li għadda seraq flus u oġġetti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca f’Tal-Pietà u li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor.
Huwa kien mixli wkoll li l-għada tal-Milied ipprova jisraq mminn ġewwa l-Marsa Sports Club, li kien fil-pussess ta’ droga jew sustanza psiokattiva ġdida u li hedded uffiċjal inkarigat skont il-liġi minn servizz pubbliku.
Akkużi oħra kontrih jgħidu li bejn l-4 u l-5 ta’ Jannar li għadda reġa’ seraq mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Pietà, u li fil-lejl ta’ wara seraq flus għad-detriment ta’ persuna oħra mill-parkeġġ ta’ Villa Messina fir-Rabat.
Tlitt ijiem wara allegatament ipprova jisraq minn ġewwa l-MCP Car Park tal-Floriana filwaqt li kellu sikkina fil-pussess tiegħu. Huwa kien mixli wkoll li sar riċediv.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo l-Ħadd li għadda fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.
Il-Maġistrat Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li fost oħrajn għad baqa’ diversi xhieda pajżana li għad iridu jixhdu. Għalhekk huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Kathleen Zerafa u Elisia Scicluna flimkien mal-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputat.