Friday, December 13, 2024

Jinżamm arrestat is-Sudaniż mixli bil-qtil ta’ raġel fil-Marsa

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tressaq ir-raġel Sudaniż mixli bil-qtil ta’ raġel barrani wara argument fil-Marsa. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda, għall-ħabta tas-6.30 p.m., fi Triq Patri Feliċjan Bilocca.

Il-vittma, li għadu mhux identifikat, instab li qala’ erba’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru u dahru. Huwa kien ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

L-allegat aggressur kien arrestat ftit tal-mumenti biss wara fi triq viċin, fejn fil-pussess tiegħu nstabet ukoll sikkina li allegatament intużat fid-delitt. Al Mahy Ezzo Saeed ta’ 28 sena wieġeb mhux ħati li qatel persuna, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Anthony Vella u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjua mill-Ispetturi Shawn Pawney u Roderick Spiteri. L-Avukat Jason Grima deher għas-Sudaniż.

Ekonomija

Sport