Saturday, January 25, 2025

Jinżamm arrestat wara li darab raġel waqt argument fuq xi flus

Aqra wkoll

Naser Hadzh Hebo Dzhned ta’ 24 sena mis-Sirja, iżda jgħix Birżebbuġa tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li fit-30 ta’ Ottubru li għadda, mingħajr il-ħsieb li jipprova joqtol, darab gravi lil Hussein Farid Hannan.

Dzhned ġie akkużat ukoll li fuqu kellu sikkina mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni akkużatu wkoll li hedded u ħebb għal Hannan filwaqt li ffalsifika u għamel użu minn dokumenti foloz.

L-Ispettur Wayne Bonello li mexxa l-Prosekuzzjoni qal quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li fid-data msemmija, il-Pulizija fl-Għassa ta’ Birżebbuġa kienet informata li kien daħal raġel l-Isptar Mater Dei li kellu xi ġrieħi. Qal li mill-investigazjonijiet irriżulta li kienet seħħet ġlieda f’St Peter’s Pool Delimara, limiti ta’ Marsaxlokk, fuq ammont ta’ flus li l-vittma kellu jagħti lill-akkużat.

Kien għalhekk li nħareġ mandat t’arrest kontra Hebo Dzhned. Kien il-vittma stess li ra lill-akkużat fil-21 ta’ Jannar u mill-ewwel informat lill-Pulizija. L-Ispettur Bonello qal li qabel din id-data l-pulizija kienu ilhom ifittxuh, iżda qatt ma sabuh.

Jirriżulta li l-mandat tal-arrest kien skada minħabba li kien għadda aktar minn xahar. Hu ġie mitkellem mill-Pulizija u mar b’mod volontarju l-għassa.

Filwaqt li l-akkużat wieġeb mhux ħati, qal li hu jaħdem bħala bajjad u anke jwaħħal il-madum. L-avukat difensur, Dr Matthew Xuereb m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest. Fuq talba tal-prosekuzzjoni, il-qorti ordnat li l-allegat vittma jingħata protezzjoni.

Preżenti fl-awla, il-vittma Hussein Farid Hanin li kien assistit minn Dr Nicholas Mifsud.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Wayne Bonello.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport