It-tilqim kontra l-influwenza miexi b’ritmu tajjeb ħafna. Tant hu hekk li fl-ewwel ġimgħa tlaqqmu 44% aktar persuni mis-sena ta’ qabel, u 51% aktar mill-2024. Fost l-aktar nies vulnerabbli, iż-żieda fl-ewwel ġimgħat kienet ta’ 55%, li hi l-ogħla fl-aħħar tliet snin.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg fil-Parlament meta kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2027 li jaqgħu taħt dan id-dekasteru.
Fid-diskors tiegħu, Dr Borg qal li kull persuna li tieħu t-tilqima kontra l-influwenza hi persuna inqas li tista’ tispiċċa l-Emerġenza. “Rajna kif inġibu l-konsenja kemm jista’ jkun malajr. Irnexxielna għax mhux biss waslet u qed tingħata, imma nħeġġiġkom tgħinuna nkomplu niksru n-numri tas-sena l-oħra,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa tkellem ukoll dwar it-tijtib fis-servizzi tas-saħħa f’Malta, b’enfasi fuq l-Emerġenza ta’ Mater Dei, l-investiment fl-infrastruttura, il-prevenzjoni u kura aktar qrib il-pazjent.
Dr Borg semma l-investiment ta’ €120 miljun fl-akbar espansjoni tal-Isptar Mater Dei minn meta nfetaħ. “Ma qgħadniex nistennew. Ix-xogħol beda f’Awwissu. Bħalissa għaddejjin id-disinji tal-binja rispettiva waqt li għaddej l-iskavar,” qal id-Deputat Prim Ministru.
“L-ispazji għat-trattament fl-emerġenza se jirduppjaw minn 35 għal 70. Se jkun hemm aktar riżorsi għall-emerġenza pedjatrika. Se jkun hemm ukoll faċilitajiet aħjar għall-ħaddiema.”
Waqt li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett infrastrutturali mistennija li jieħdu madwar tliet snin, qegħdin jittieħdu wkoll biex issir ukoll differenza mil-lum. Fil-fatt, riċentament f’Mater Dei, ġew inawgurati żewġ swali ġodda b’investiment ta’ €6.5 miljun.
Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-servizz tal-1400 li beda f’Ġunju tal-2025. Minn kemm ilu jopera dan is-servizz, diġà daħlu aktar minn 40,000 telefonata, filwaqt li kompla jiġi msaħħaħ b’aktar tobba u infermiera.
Huwa żied jgħid li ta wkoll struzzjonijiet lit-tmexxija ta’ Mater Dei, is-saħħa primarja u l-Uffiċċju tal-Kap Uffiċjal Mediku sabiex ikomplu jaħdmu flimkien u jissinkronizzaw is-servizzi tagħhom.
Semma l-ħidma li għaddejja f’dak li jirrigwardja l-lista ta’ stennija. Qal li “rridu li kull pazjent jara r-riżultati, l-appuntamenti u anke jekk huwiex fil-lista ta’ stennija. Se nużaw it-teknoloġija, l-Intelliġenza Artifiċjali.”
Il-kura qrib id-dar
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif l-attendenzi fiċ-ċentri tas-saħħa rdoppjat f’ħames snin għal aktar minn miljun fis-sena. Is-servizzi fil-komunità qabżu wkoll l-140,000 attendenza.
Dwar il-point of care testing, Dr Borg qal li wara li jiddiskutu ma’ kulħadd, il-Gvern irid jieħu d-deċiżjoni sabiex fil-fatt dan is-servizz jidħol fiċ-ċentri tas-saħħa. “Il-bieb tagħna jibqa’ miftuħ għad-djalogu,” huwa qal.
Barra minn hekk, huwa semma l-appoġġ li qed jingħata lit-tobba tal-familja, il-ħidma biex jiddaħħlu aktar mediċini fil-formularju tal-Gvern u l-investiment li qed isir fi sptarijiet oħra fosthom fiċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran fejn hemmhekk diġà ngħata servizz lil aktar minn 250,000 pazjent.
L-investiment fl-anzjani
Fl-istess dibattitu parlamentari, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għall-anzjani u l-miżuri li se jiġu implimentati permezz tal-Budget 2027, bil-għan li jissaħħu s-servizzi u titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Huwa saħaq li kull persuna li tat kontribut lis-soċjetà u għenet biex tinbena Malta tal-lum għandha dritt tgawdi mill-frott tax-xogħol tagħha, speċjalment fl-anzjanità. Għalhekk, il-Gvern qed juża r-riżorsi ġġenerati mit-tkabbir ekonomiku biex isaħħaħ il-pensjonijiet, itejjeb is-servizzi u jipprovdi aktar sigurtà u opportunitajiet lill-anzjani.
Fost il-miżuri mħabbra għall-2027 hemm it-tisħiħ tal-iskema tal-Carer at Home, li se tiżdied għal €9,800, jiġifieri €800 aktar fis-sena. L-allokazzjoni finanzjarja għal din l-iskema se tiżdied minn €9 miljun għal €12-il miljun.
Debattista enfasizza wkoll l-importanza tal-indipendenza tal-anzjani. F’dan ir-rigward, is-servizz Silver T ġie estiż sal-4.30 ta’ waranofsinhar matul il-ġimgħa u beda jingħata wkoll is-Sibt filgħodu. Matul is-sena li għaddiet, dan is-servizz wettaq aktar minn 68,000 vjaġġ.
Barra minn hekk, in-network taċ-ċentri għall-anzjanità attiva issa jinkludi 36 ċentru, li jilqgħu madwar 4,000 persuna. Fl-2027, dan in-network se jkompli jissaħħaħ permezz ta’ ċentru ġdid f’Ħaż-Żabbar.
Tħabbru wkoll inizjattivi oħra, fosthom it-titjib fis-servizzi tal-ġestjoni tad-dijabete fid-djar tal-anzjani, żieda fil-mediċini disponibbli, programmi ta’ attività fiżika adattata u proġett pilota ta’ servizz ta’ hairdresser fid-djar tal-anzjani għal persuni li għandhom aktar minn 85 sena u ma jistgħux joħorġu.
Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari Debattista tkellem dwar l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) li qal li kompliet iżżid l-ispezzjonijiet fl-istess waqt li tat segwitu lil aktar ilmenti u kummenti li rċevew.
