Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ffastidja lill-eks sieħba

Aqra wkoll

Raġel ta’ 36 sena residenti ż-Żurrieq baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal diversi akkużi kollha marbutin ma’ vjolenza domestika, fosthom li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu u kiser ordni ta’ protezzjoni.

Hu ġie mixli li bejn it-30 ta’ Ġunju u s-17 ta’ Lulju li għadda,ripetutament ġab ruħu b’mod li ffastidja lill-eks sieħba tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni akkużat lill-imputat li permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, allegatament ipprova jġiegħel lill-eks sieħba tagħmel jew tonqos milli tagħmel xi ħaġa, heddidha, insultaha jew intimidaha. Ġie mixli wkoll li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li sar reċidiv.

Filwaqt li l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fatt li l-allegat vittma għad trid tagħti x-xhieda tagħha.

Quddiem il-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien diġà tressaq il-Qorti f’Ġunju li għadda b’akkużi simili u dakinhar kienet inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma. Intqal ukoll li l-fedina penali tiegħu hija waħda kkulurita u stqarret li hemm ir-riskju li jikkommetti reat ieħor u qalet li l-imputat ma kkoopera xejn mal-Pulizija, tant li kellhom jissejħu l-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit.

Min-naħa tagħha d-difiża qalet li l-aħħar komunikazzjoni tal-imputat mal-allegata vittma seħħet fis-17 ta’ Lulju u sostniet li minn dak iż-żmien l-imputat ipprova jikkalma s-sitwazzjoni.

Id-difiża kompliet tgħid li ma kienx hemm theddid jew vjolenza u anke l-imputat għaraf li għandu problema li teħtieġ l-għajnuna. Intqal li l-imputat qiegħed jitkellem mal-ħaddiema soċjali tal-Caritas biex ikun jista’ jingħata l-għajnuna.

L-avukat difensur qal ukoll li l-imputat ma joqgħodx mal-allegata vittma, u jaħdem għal rasu. Saħqet li f’dan l-istadju, li dak li għandu bżonn l-imputat hija l-għajnuna, u mhux li jinżamm arrestat.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-parte civile għad trid tixhed, il-karattru refrattarju tal-imputat kif jirriżulta mill-fedina penali tiegħu, u għax ma kellhiex garanzija li kien se josserva l-ordnijiet imposti fuqu.

Hija rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-imputat jingħata l-għajnuna medika u psikoloġika meħtieġa biex jegħleb il-vizzju tal-abbuż tad-droga. Irrakkomandat ukoll li jinżamm fit-taqsima forensika tal-Faċilità.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Chetcuti waqt li l-imputat kien assistit mill-Avukati Fleur Abela u Eman Scicluna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport