Wednesday, August 19, 2026
Home Fehmietna BŻONN TA’ AKTAR MIŻURI BIEX L-ISKART MA JINTREMIEX BL-ADDOĊĊ

BŻONN TA’ AKTAR MIŻURI BIEX L-ISKART MA JINTREMIEX BL-ADDOĊĊ

0
14

Huma bosta dawk li jgħidu jew jemmnu li l-Maltin, mill-għatba ’l ġewwa huma nodfa tazza imma mill-għatba ‘l barra ftit jimpurtahom. Dan l-għajdut xi drabi jirrifletti l-verità u r-realtà għaliex minkejja d-diversi kampanji li jsiru u l-bosta inizjattivi li jittieħdu, xorta waħda għadna naraw min joħroġ il-boroż tal-iskart fil-ġranet mhux propja jew jarmi l-iskart illegalment f’postijiet mhux adattati.

Saħansitra dan l-aħħar bdew jiġu ċċirkolati filmati fil-midja soċjali juru rimi ta’ skart f’diversi lokalitajiet u f’żoni popolati, daqslikieku ħadd ma jimpurtah minn ħadd. Kieku f’pajjiżna ma jeżistix servizz ta’ ġbir tal-iskart kieku wieħed jista’ jagħlaq għajn waħda imma la darba hemm dan is-servizz mhux aċċettabbli li jintrema skart fejn ġie ġie. Ir-rimi illegali ta’ skart huwa reat kontra s-soċjetà.

Madankollu, ninnutaw b’sodisfazzjon li l-awtoritajiet mhumiex b’idejhom fuq żaqqhom u qed jieħdu azzjoni f’dan ir-rigward billi wkoll qed jingħataw multi fuq il-post dwar rimi illegali ta’ skart. Dan minnu nnifsu huwa ta’ deterrent, li ma kienx jezisti qabel, biex dak li jkun jaħsibha darbtejn iwettaqx reat simili. 

Għalhekk il-poplu jrid jifhem li mhux biss is-separazzjoni tal-iskart huwa obbligu imma wkoll li ma jkunx hemm rimi llegali ta’ skart fit-toroq ta’ pajjiżna. Fil-kuntest ta’ dan, intennu li qatt mhu biżżejjed li nagħmlu kampanji biex nedukaw lill-pubbliku speċjalment lill-barranin li jkunu fostna u anke lit-tfal.

Għalhekk, iż-żieda fl-infurzar fuq rimi ta’ boroż ta’ skart fil-jiem barra mill-ġranet u l-ħin tagħhom jew f’postijiet fejn mhux suppost jintremew huwa wkoll pass importanti ’l quddiem fiż-żamma tal-indafa pubblika. Fil-fatt, ninnotaw dak li ħabbret il-Ministru Miriam Dalli dan l-aħħar f’mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputata Nazzjonalista Norma Camilleri, fejn jirriżulta li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet xejn inqas minn 437 multa fuq skart maħruġ mhux skont l-iskeda ta’ ġbir ta’ skart. 

Ta’ min ifakkar ukoll li l-infurzar dwar taħlit ta’ skart fil-boroż hu suġġett għall-Ittra ta’ Twissija bħala l-ewwel azzjoni ta’ infurzar, imbagħad multa li l-ammont tagħha jiddependi minn jekk l-iskart ikunx oriġina minn stabbiliment kummerċjali jew sors domestiku. 

Kruċjali f’dan is-settur tibqa’ l-edukazzjoni, imma mhux biss. Ħafna drabi jkun hemm bżonn li jiġu introdotti miżuri oħra forsi wkoll aktar drastiċi. Waqt li nfaħħru dak kollu li qed isir fuq skala nazzjonali sabiex pajjiżna jinżamm nadif kemm jista jkun kemm għalina l-Maltin u Għawdxin kif ukoll għal dawk kollha li jżuru pajjiżna, b’danakollu nibqgħu ninsistu fuq infurzar aktar rigoruż li jservi ta’ deterrent għal dawk kollha – Maltin u barranin – li jittantaw iħammġu jew ma jagħtux kas ir-regolamenti dwar is-separazzjoni, il-ħruġ u l-ġbir tal-iskart.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here