Żieda fil-passiġġieri li qasmu lejn Għawdex fil-jiem ta’ Santa Marija

Jaqsmu b’kollox 148,267 il-passiġġier

Aqra wkoll

Għawdex reġa’ ra żieda fil-passiġġieri li qasmu l-fliegu bejn l-10 u 17 ta’ Awwissu li għadda li jfisser fil-jiem ta’ Santa Marija. Dan hekk kif il-Gozo Channel ħabbret li kienu qasmu 148,267 il-passiġġier li jfisser żieda ta’ aktar minn 8,000 passiġġier meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Il-Gozo Channel fir-rapport tagħha għal ġranet imsemmija qalet li kien hemm medja ta’ 18,533 il-persuna li qasmu bejn il-gżejjer kuljum.

Meta wieħed jara l-figuri ta’ kemm qasmu karozzi bejn Malta u Għawdex hemm ukoll tiġi nnutata żieda fuq is-sena l-oħra hekk kif din is-sena qasmu 53,624 il-vettura filwaqt li s-sena l-oħra kien hemm 46,600 il-vettura. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 7,000 vettura li qasmu bejn il-gżejjer fil-jiem tal-festi. B’kollox qasmu medja ta’ 6,703 ta’ vetturi kuljum fid-dati msemmija.

Jekk wieħed jara l-figuri dwar il-vjaġġi kollha li għamlet il-Gozo Channel joħroġ li din is-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn 100 vjaġġ. Dan hekk kif din is-sena fil-perjodu msemmi, il-Gozo Channel għamlet 814-il vjlaġġ li jfisser medja ta’ 102 il-vjaġġ kuljum filwaqt li s-sena l-oħra kienu saru 704 vjaġġi.

Ta’ min ifakkar li, fost l-attivitajiet li ġew organizzati fil-gżira-oħt u għalihom attendew eluf kbar ta’ persuni, kien hemm il-festa tradizzjonali nnifisha ta’ Santa Marija fil-Kaditral tar-Rabat, waqt li, għal sena oħra, saret il-wirja tal-Biedja u s-Snajja’ f’Villa Rundle fl-istess lokalità li għaliha attendew eluf ta’ persuni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport