Ir-Russja akkużat lir-Renju Unit li għażel deliberatament li jeskala l-kriżi fl-Ukrajna wara li ġie kkonfermat li ntużaw drones manifatturati fil-Gran Brittanja f’attakki fuq miri fir-Russja. “B’hekk, ir-Renju Unit qed jaġixxi bħala kompliċi u parteċipi fid-delitti vjolenti u fl-attakki terroristiċi,” stqarret l-Ambaxxata Russa fir-Renju Unit.
L-ambaxxata, stqarret ukoll l-azzjonijiet tal-Gvern Ingliż inevitabbilment se jwasslu għal konsegwenzi li jkollha tiffaċċja, filwaqt li żiedet tgħid li aktar ma jkun profond l-involviment fil-kunflitt, aktar ikun għoli l-prezz li r-Renju Unit jkollu jħallas.
Minkejja din it-theddida Russa, u bi tweġiba għaliha, kelliem għall-Ministeru tad-Difiża (MoD) qal li l-Gran Brittanja tinsab “spalla ma’ spalla” mal-Ukrajna. Żied jgħid li r-Russja m’għandu jkollha l-ebda dubju dwar id-determinazzjoni tal-Gvern Ingliż li jopponi l-aggressjoni Russa, kemm fl-Ukrajna kif ukoll kontra r-Renju Unit u l-alleati tiegħu qal il-kelliem fi stqarrija.
Ir-Renju Unit, iddikjara li huwa impenjat li jipprovdi t-tagħmir li għandha bżonn l-Ukrajna biex tiddefendi lilha nnifisha kontra l-invażjoni illegali tal-President Russu Vladimir Putin.
Id-drones inkwistjoni, li ġew manifatturati minn żewġ kumpaniji Brittaniċi separati, intużaw ġewwa r-Russja biex jolqtu b’suċċess u fuq skala wiesgħa diversi miri militari u industrijali, inklużi raffineriji taż-żejt u mħażen tal-bejjiegħ bl-imnut onlajn Wildberries.
L-Ukrajna ripetutament immirat fuq il-kumpanija – magħrufa bħala l-verżjoni Russa ta’ Amazon – u tistqarr li sebgħa minn kull għaxar ċentri loġistiċi ewlenin ta’ Wildberries ġew imwaqqfa milli joperaw.
Sors militari kkonferma li fl-attakki ntużaw drones maħduma fir-Renju Unit. Dawn l-attakki jingħad li kkawżaw ħsara ekonomika ta’ aktar minn £35 biljun. Ir-Russja nediet l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fi Frar tal-2022 u bħalissa tikkontrolla ħamsa reġjuni mit-territorju Ukren.
Il-kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu, Maria Zakharova, qalet li ntużaw drones li jinkorporaw komponenti u konfigurazzjonijiet tar-Renju Unit biex jattakkaw territorju Russu, inkluż depot tal-fjuwil fid-Distrett ta’ Kamensky fir-Reġjun ta’ Rostov.
Fl-aktar attakki riċenti li seħħew matul il-lejl, uffiċjali Russi qalu li madwar 620 drone ġew diretti lejn ir-reġjun ta’ madwar Moska. Id-difiża tal-ajru Russa qerdet aktar minn 180 minn dawn id-drones, iżda diversi persuni ndarbu, skont l-istess uffiċjali.
Is-Sibt filgħaxija, l-Ukrajna tajret madwar 822 drone lejn ir-Russja, b’600 minnhom immirati lejn Moska; dan skont il-gvernatur reġjonali, li stqarr li l-kapitali Russa kienet fil-mira ta’ wieħed mill-akbar attakki bid-drones fi żmien reċenti. Madwar ir-Russja ġew irrappurtati seba’ mwiet.
Fl-istess lejl, attakki Russi fuq l-Ukrajna ħallew mill-inqas seba’ persuni mejta u aktar minn 39 midruba.
F’April, il-Ministeru tad-Difiża Ingliż ħabbar li kien se jipprovdi lill-Ukrajna b’għexieren ta’ eluf ta’ drones – inklużi apparati għall-attakki fuq distanzi twal – fl-akbar pakkett ta’ għajnuna li qatt ipprovda lill-Ukrajna.




