Jikteb Dr Mario Saliba
Fid-diskussjoni li qiegħda tqum dwar it-titjib fil-qasam tas-saħħa, qiegħed ninnota żewġ linji ta’ ħsieb partikolari li, fil-fehma tiegħi, huma t-tnejn żbaljati. Minn naħa hemm min jiġġustifika l-ħlas lit-tobba billi jgħid li jkunu għamlu ħafna snin jistudjaw. Min-naħa l-oħra hemm min jilmenta li mhux sew tabib jitħallas ċertu ammont għal viżta li forsi ddum biss għaxar minuti.
Iż-żewġ argumenti jitilfu l-aktar punt importanti. It-tabib ma jitħallasx sempliċement għas-snin li jkun qatta’ jistudja, u lanqas skont l-għadd ta’ minuti li jqatta’ mal-pazjent. Jitħallas primarjament għar-responsabbiltà li jassumi kull darba li pazjent jafdalu saħħtu. Ċertament, l-istudju, l-ispeċjalizzazzjoni u l-esperjenza għandhom il-valur tagħhom. Iżda dawn huma l-mezzi li jippermettu lit-tabib jerfa’ dik ir-responsabbiltà. Il-fattur kruċjali jibqa’ l-ġudizzju kliniku li jrid jeżerċita u l-konsegwenzi li tista’ ġġib magħha kull deċiżjoni li jieħu. Il-pazjent jara l-għaxar minuti tal-konsultazzjoni. Mhux dejjem jara s-snin ta’ taħriġ u esperjenza li jippermettu lit-tabib jasal għal deċiżjoni f’dawk l-għaxar minuti. Lanqas ma jara l-piż tar-responsabbiltà li t-tabib jibqa’ jġorr wara li l-pazjent joħroġ mill-bieb.
Deċiżjoni li tittieħed f’minuta tista’ ssalva ħajja, iżda tista’ wkoll ikollha konsegwenzi serji. Wara kull dijanjosi, riċetta jew parir hemm l-għarfien, l-esperjenza, il-ġudizzju kliniku u, fuq kollox, ir-responsabbiltà. Din ir-responsabbiltà t-tabib jassumiha kemm jekk il-viżta ddum minuta u kemm jekk iddum siegħa.
Dan ngħidu wkoll mill-esperjenza personali tiegħi. Għal erbgħin sena għext qisni ambulanza — disponibbli billejl u binhar, fil-Ħdud u fil-festi. Sejħa billejl qatt ma kienet sempliċement telefonata. Kienet tfisser li tqum, titlaq minn darek u tmur għand bniedem marid mingħajr ma tkun taf eżattament x’se ssib. F’dak il-mument, familja kienet tkun qiegħda tqiegħed f’idejk dak li kellha l-aktar għażiż: is-saħħa u, xi kultant, il-ħajja ta’ wieħed minn tagħha. Illum m’għadnix nagħmel viżti fid-djar u, biex inkun sinċier, dak il-kuntatt mill-qrib mal-pazjenti nimmissjah. Il-viżta fid-dar kienet tippermetti lit-tabib jara mhux biss il-marda, iżda lill-pazjent fl-ambjent tiegħu, fost il-familja tiegħu u fir-realtà ta’ ħajtu. Kultant, dettalji li ma kinux jidhru fil-klinika kienu jsiru evidenti hekk kif tidħol fid-dar tal-pazjent. Il-pazjenti kienu juruk rispett mhux sempliċement billi jħallsuk, iżda permezz tar-rikonoxxenza ġenwina tagħhom. Xi drabi kienet tkun kelma tajba, tbissima jew sempliċi “grazzi”. Dawk il-ġesti kienu jiswew ferm aktar mill-ħlas tal-viżta.
Iżda l-akbar sodisfazzjon għalija qatt ma kien il-ħlas monetarju. Kien is-sens li kont għent lil xi ħadd: li naqqastlu l-uġigħ, serraħtlu moħħu jew, xi drabi, għaraft fil-ħin kundizzjoni li setgħet kellha konsegwenzi serji. Meta kont nitlaq minn dar pazjent naf li kont għamilt differenza f’ħajtu, kont inħoss sodisfazzjon li l-ebda ħlas ma seta’ jixtri. Il-ħlas kien, naturalment, ir-rimunerazzjoni għax-xogħol u għar-responsabbiltà li kont assumejt. Iżda qatt ma kien il-kejl tal-valur ta’ dak li kont għamilt. Il-veru kumpens kien ikun il-fiduċja tal-pazjent, ir-rikonoxxenza tal-familja u l-għarfien li, f’mument ta’ bżonn, kont hemm għalihom. Dak kien, u għadu, l-akbar premju tal-professjoni medika. Ir-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent għandha tkun mibnija fuq fiduċja reċiproka li tikber matul is-snin u, f’ħafna każijiet, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Din il-fiduċja ma għandhiex prezz, u proprju dak il-kuntatt uman huwa l-aktar ħaġa li llum nimmissja.
Madankollu, dan ma jfissirx li nemmen li għandna nerġgħu lura għal sistema li fiha t-tabib jintalab imur id-dar għal kull kundizzjoni. Il-prattika medika nbidlet, bħalma nbidlu wkoll il-ħtiġijiet tal-pazjenti u l-mod kif jiġu pprovduti s-servizzi tas-saħħa. Il-viżti tat-tobba fid-djar ilhom isiru dejjem aktar rari. Naħseb li dan it-tnaqqis beda jinħass b’mod partikolarment qawwi fi żmien il-Covid, meta l-kuntatt dirett ġie limitat u nbidlu ħafna drawwiet fil-prattika medika. It-telefon u l-konsultazzjonijiet mill-bogħod saru aktar komuni u, wara l-pandemija, mhux kollox reġa’ lura għal kif kien qabel.
Madankollu, il-pandemija aktarx aċċellerat proċess li kien diġà beda. Din hija wkoll xejra li ġiet minn barra, speċjalment minn pajjiżi fejn il-viżti fid-djar ilhom li saru rari ħafna. Mudelli ta’ prattika medika li jiffukaw aktar fuq il-klinika, l-appuntamenti u l-effiċjenza gradwalment daħlu wkoll fir-realtà tagħna.
Ma’ dan irridu nżidu l-problemi prattiċi lokali. It-traffiku dejjem jiżdied, in-nuqqas ta’ parkeġġ u l-ħin meħtieġ biex tabib imur minn dar għal oħra jagħmlu l-viżti fid-djar dejjem inqas vijabbli. Xi drabi t-tabib jista’ jqatta’ aktar ħin isuq u jfittex fejn jipparkja milli mal-pazjent innifsu. Matul dak l-istess ħin, fil-klinika jista’ jara diversi pazjenti f’ambjent aktar adattat u bit-tagħmir meħtieġ.
Għalhekk, it-tnaqqis fil-viżti fid-djar ma jistax jiġi spjegat b’raġuni waħda biss. Huwa r-riżultat tal-pandemija, ta’ bidliet fil-mod kif tiġi pprattikata l-mediċina, tal-pressjoni fuq il-ħin tat-tobba u tar-realtajiet tat-traffiku u l-parkeġġ.
Illum, fil-fehma tiegħi, il-viżta fid-dar għad għandha postha, iżda r-rwol tagħha għandu jkun aktar limitat u speċifiku. Għandha tkun maħsuba primarjament għal pazjenti li huma marbutin mad-dar jew mifnijin fis-sodda u li, minħabba l-kundizzjoni tagħhom, ma jistgħux imorru fi klinika jew f’ċentru tas-saħħa. Jekk persuna jkollha sintomi li jistgħu jindikaw kundizzjoni serja jew emerġenza medika, m’għandhiex toqgħod tistenna li jasal it-tabib id-dar. Għandha ċċempel ambulanza minnufih. Pazjent f’din is-sitwazzjoni jista’ jkollu bżonn mhux biss evalwazzjoni medika, iżda wkoll monitoraġġ, investigazzjonijiet, trattament immedjat u trasport lejn l-isptar. Kull telf ta’ ħin jista’ jkun perikoluż.
Għal problemi oħra li mhumiex urġenti, il-pazjent jista’ jmur fiċ-ċentru tas-saħħa jew għand it-tabib privat tiegħu. Hemmhekk il-konsultazzjoni tista’ ssir f’ambjent aktar adattat u b’aċċess aħjar għat-tagħmir u għal servizzi oħra li jistgħu jkunu meħtieġa.
Din mhijiex biss kwistjoni ta’ konvenjenza għat-tabib. Hija wkoll kwistjoni ta’ sigurtà għall-pazjent u ta’ użu responsabbli tal-ħin u tar-riżorsi mediċi. Il-prinċipju għandu jkun ċar: min veru ma jistax imur għand it-tabib għandu jingħata viżta fid-dar; min għandu emerġenza għandu jittieħed l-isptar mingħajr dewmien; u min jista’ jmur fil-klinika għandu jiġi eżaminat hemmhekk.
F’din id-diskussjoni ma nistgħux ninjoraw ukoll il-bidliet fir-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib. Ir-rispett ma jfissirx li t-tabib ma jistax jiġi mistoqsi, ikkritikat jew jinżamm responsabbli. It-tabib għandu obbligi professjonali u etiċi, u l-pazjent għandu kull dritt jistenna servizz kompetenti, uman u dinjituż. Iżda d-dritt li wieħed jistaqsi jew jikkritika ma jeskludix ir-rispett lejn il-professjonist u lejn ir-responsabbiltà li jkun qiegħed jerfa’. Bl-istess mod, il-ħlas mhuwiex il-kejl tar-rispett, bħalma t-tul tal-viżta mhuwiex il-kejl tal-valur tagħha. Ir-rispett veru jidher fil-fiduċja, fir-rikonoxxenza u fl-għarfien li wara kull deċiżjoni medika hemm bniedem li qiegħed jaċċetta responsabbiltà kbira għal bniedem ieħor.
Is-saħħa u l-libertà huma tnejn mill-akbar doni li għandu l-bniedem. Mingħajrhom, ħafna mill-affarijiet l-oħra jitilfu l-valur tagħhom. Għalhekk, meta nitkellmu dwar il-prezz ta’ viżta medika, tajjeb li ma nħarsux biss lejn l-arloġġ jew lejn il-flus.
Il-pazjent jista’ jkun qiegħed iħallas għal għaxar minuti. Iżda f’dawk l-għaxar minuti, it-tabib ikun qiegħed jerfa’ responsabbiltà li ma titkejjilx bil-ħin. U għat-tabib li tassew jgħix il-vokazzjoni tiegħu, l-akbar ħlas jibqa’ l-għarfien li, meta xi ħadd kellu bżonnu, huwa kien hemm u għamel differenza.




