…każ ta’ apoloġija li bla dubju li mhux se ssir
…kellu juri li s-sigurtà tiegħu u dik tan-nies ta’ madwaru huma parti mill-istess responsabbiltà
…f’każ simili Bill Clinton informa lill-ġurnalisti u mhux ħallihom fil-għama
Proprju fl-aħħar jiem smajna bil-każ fejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump biddel l-ajruplan tiegħu b’mod sigriet biex telaq mit-Turkija fi tmiem summit tan-NATO. Wara s-summit tan-NATO f’Ankara, Trump kellu jitlaq mit-Turkija fuq Air Force One, iżda ftit sigħat qabel it-tluq, is-Servizz Sigriet Amerikan u dak Tork rċevew informazzjoni dwar theddida possibbli ta’ missila li tinġarr minn persuna kontra l-ajruplan presidenzjali. Quddiem din it-theddida li ingħatat piż, is-Servizz Sigriet u l-militar għalhekk iddeċidew li l-President Trump ma jitlaqx fuq l-ajruplan li kulħadd kien qed jistenna li jkunu fuqu. Hu deher jitla’ fuq l-ajruplan.
Trump iżda wara li tela’ abbord, ħareġ bil-moħbi mill-ajruplan permezz ta’ vettura tal-catering u ttieħed lejn ajruplan militari iżgħar. Filfatt hu imbagħad mar fuq ajruplan tat-tip C-32A, li hu ajruplan militari iżgħar. L-Air Force One telaq bħala “mira falza”, jiġifieri biex min seta’ jkun qed jissorvelja l-movimenti ta’ Trump jaħseb li l-President kien għadu abbord. Waqt li Trump ħareġ b’mod sigriet, abbord l-Air Force One baqgħu ġurnalisti u membri tal-staff ta’ Trump, li ma ġewx infurmati bl-ebda mod li l-President m’għadux fuq l-ajruplan. Agħar minn hekk l-Air Force One, intuża bħala mira falza, u dan biex it-theddida potenzjali tkun diretta lejn l-ajruplan ħażin.
Dan ma setax jonqos li jqajjem kontroversja sħiħa. Il-kontroversja iddur mal-fatt li l-staff tiegħu u ġurnalisti tħallew fil-għama u agħar minn hekk fuq ajruplan li kien hemm theddida lejh. Wieħed jifhem li l-protezzjoni ta’ Trump kienet raġonevoli jekk kien hemm theddida serja, iżda l-kritika hija dwar il-fatt li ġurnalisti u staff tħallew fuq l-ajruplan li kien qed jintuża bħala ‘mira falza’ mingħajr ma jkunu jafu x’kien qed jiġri. Wara li sar magħruf il-każ u ma naqsitx il-kritika, Trump innifsu ddefenda l-operazzjoni u qal li kien qed isegwi d-direzzjonijiet tas-Servizz Sigriet u tal-militar.
Il-mistoqsija morali… hi aċċettabbli li ntużaw bħala mira falza biem ikun protett il-President?
Minn dan il-każ toħroġ il-mistoqsija morali. Il-mistoqsija mhix għaliex il-President ma baqax jew ħareġ b’mod sigriet mill-Air Force One. Il-mistoqsija l-kbira hi kemm kienet
aċċettabbli li l-ġurnalisti u l-istaff jiġu utilizzati, mingħajr ma jkunu jafu, bħala parti minn ‘mira falza’ biex jipproteġu lill-President? Prattikament kellek sitwazzjoni fejn is-Servizz Sigriet kienu jafu li hemm theddida, u waqt li l-President kien protett u uża ajruplan ieħor, fuq l-ajruplan li kien hemm it-theddida tħallew il-ġurnalisti u anke membri tal-staff ta’ l-istess President Trump.
Imma t-theddida kienet verament konfermata?
Hemm diversi rapporti dwar it-theddida li waslet għand is-Servizz Sigriet Amerikan. Hemm rapporti jgħidu li l-informazzjoni oriġinat minn intelliġenza Iżraeljana, li għaddiet twissija lill-Istati Uniti dwar pjan possibbli Iranjan biex jintuża missila minn fuq l-ispalla kontra l-Air Force One. Hemm rapporti li jgħid li CIA kellha ‘kunfidenza baxxa’ fil-kredibilità tat-theddida. Il-fatt li Trump tniżżel b’mod sigriet, turi li s-Servizzi tas-Sigurtà qisuha serja biżżejjed biex ma jieħdux riskju.
Moralment kellu jibqa’ mal-ġurnalisti u l-istaff tiegħu fuq l-Air Force One
Mistoqsija qawwija li toħroġ minn dan il-każ hi dik morali. Quddiem każ bħal dan, moralment il-President Trump kellu jibqa’ mal-ġurnalisti u l-istaff tiegħu fuq l-Air Force One.
Din hi mistoqsija li d-diskussjoni dwarha ma tiqafx. Hemm diversi argumenti. Ħafna jemmnu li jekk it-theddida kienet reali u s-Servizz Sigriet qies li Trump kellu jitlaq fuq ajruplan ieħor, diversi huma dawk li ma jqisux li kien raġonevoli li Trump jirrifjuta l-protezzjoni u jibqa’ f’periklu. Dan minħabba l-fatt li hu l-President u l-protezzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-Istat. Trump qal ukoll li sempliċement segwa l-istruzzjonijiet tas-Servizz Sigriet u tal-militar, dikjarazzjoni li saret biex tagħti l-impressjoni li qisu hu ma kienx jaf li inbidel l-ajruplan minħabba theddida, xi ħaġa li ma tantx titwemmen malajr.
U hu proprju hawn, li toħroġ mistoqsija oħra – dik ta’ għaliex ma ttieħdux il-ġurnalisti u l-istaff miegħu, jew għall-inqas għaliex ma ġewx infurmati?
Jekk kien hemm periklu għal Trump fuq l-Air Force One, daqstant ieħor kien hemm periklu wkoll għal dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu. Kellu jkun protett kulħadd. Bħala President, kien ikun aktar xieraq li juri li s-sigurtà tiegħu u dik tan-nies ta’ madwaru huma parti mill-istess responsabbilità”.
Ir-rabja ma tonqosx…hu kaz fejn għandha tintalab apologija
M’hemmx dubju li dawk abbord l-Air Force One esprimew ir-rabja tagħom għal mod kif ġew trattati. Hu każ fejn għandha tintalab apoloġija għall-mod kif ġew trattati n-nies abbord. Wieħed jifhem li s-sigurtà tal-President kienet meħtieġa, iżda dawk in-nies abbord ukoll kellhom id-dritt li jkunu protetti u infurmati x’kien qed jiġri u bit-theddida li kien hemm.
Hemm ukoll kwistjoni ta’ fiduċja u dan għax il-White House kienet ħalliet l-impressjoni li Trump kien telaq fuq l-Air Force One, meta fil-fatt kien ġie trasferit bil-moħbi għal ajruplan tat-tip C-32A.




