Fl-aħħar ħinijiet tħabbret il-mewt ta’ Ġorġ Mallia li miet fl-età ta’ 68 sena.
Mallia kien fost l-oħrajn wieħed mill-aktar karikaturisti tajbin li qatt kien hawn fil-pajjiż kif ukoll kien serva bħala l-Kap tad-Dipartiment tal-Midja u l-Komunikazzjoni
Madankollu, ħafna nies saru jafuh għall-ewwel darba meta kienu għadhom tfal żgħar. Mallia pproduċa diversi kotba għat-tfal, li kien jillustrahom hu stess.
Fost il-kotba li għalihom se jibqa’ mfakkar hemm “Ktieb ix-Xwejjaħ”, ippubblikat fl-1987, u “Avventura taħt l-Art”, li ġie ppubblikat għall-ewwel darba bl-Ingliż fl-1989 u adattat għall-Malti fl-1993.
Is-sensiela tiegħu “Pullu”, maħsuba għal tfal żgħar ħafna, bdiet tiġi ppubblikata fis-sena 2000 u għadha popolari fost it-tfal iż-żgħar. Huwa kompla jippubblika kotba għat-tfal sa żmien reċenti, b’”L-Istejjer tal-Professur Għasfur” jiġi ppubblikat fl-2024. Huwa kiteb u illustra wkoll kotba għall-adulti, fosthom “Mitt Ruħ”.
