“You should know better”. Hekk qalet l-Imħallef Edwina Grima fi twissija lill-Avukat Jason Azzopardi hekk kif kompla l-ġuri ta’ Yorgen Fenech, mixli li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-Avukat Azzopardi ta’ kuljum ikun f’Awla 22 bħala rappreżentant tal-parte civile.
L-avukati tad-Difiża ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti li kienu qed isiru diversi kummenti fuq il-midja soċjali li jistgħu jipperikolaw il-ġudizzju tal-ġurati.
Fost dawn id-dikjarazzjonijiet kien hemm dawk ta’ Jason Azzopardi. L-Imħallef qablet mad-difiża u ddeskriviethom bħala “perikolużi” u wissietu li “messu jaf aħjar”.
Min-naħa tiegħu l-Avukat Azzopardi qal li hu qed jikteb dawn il-kummenti għax “m’għandux kuntatt mal-ġurija”.
Hawn, Azzopardi qabad jgħajjat fl-awla u l-Imħallef kellha twissih diversi drabi għall-aġir tiegħu li mhux permess fil-Qorti.
L-Imħallef Grima b’ton iebes weġbitu “Dr Azzopardi ieqaf u oqgħod attent x’tikkummenta, m’intix qiegħed hemm barra biex tikkumenta”.
Wara li d-Difiża vverbalizzat il-kummenti deskritti “diżonesti”, Jason Azzopardi wieġeb “ma nistax nobdi b’dak li ma nafx bih”. Il-Qorti wissiet li dikjarazzjonijiet dwar il-ġudizzju li jridu jieħdu l-ġurati mhuwiex permess.
