Sunday, December 22, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li spara u qatel qattus fil-Marsa

Aqra wkoll

Clyde Mallia ta’ 24 sena minn Ħal Għaxaq inżamm arrestat wara li ġie mixli li spara u qatel qattus fil-Marsa aktar kmieni dan ix-xahar.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ seħħ fl-1 ta’ Ġunju, wara li persuna għamlet rapport mal-pulizija fejn qalet li rat dak li seħħ u anke ġibdet filmat.

L-Uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa qalet li fil-filmat tidher karozza tieqaf u jiġi sparat tir fuq qattus li kien miexi fit-triq. Il-qattus deher jitriegħed sakemm tilef kull sinjal ta’ ħajja.

Fil-filmat kienet tidher ukoll il-karozza u l-pjanċi tar-reġistrazzjoni tagħha, bil-pulizija jirnexxielhom jintraċċaw ta’ min kienet – mara. Meta mitkellma mill-pulizija din il-mara qaltilhom li l-karozza kienet fil-fatt tal-eks sieħeb ta’ bintha – l-imputat – iżda kienet reġistrata f’isimha.

Xi jiem wara Mallia reġa’ deher isuq l-istess vettura u nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu. Meta kienet mistoqsija mill-pulizija, l-eks sieħba tal-imputat qaltilhom li hi kienet ma’ Mallia fil-ħin tal-isparatura filwaqt li tathom id-dettalji ta’ fejn u meta seħħ l-inċident.

Il-Pulizija kienet għamlet tfittxija fir-residenza ta’ Mallia fejn instabet kaxxa bil-balal u ‘air gun pellets’ iżda armi ma nstabux. L-Ispettur Zerafa kompliet tgħid li minn awtopsja li saret fuq il-qattus mejjet instabu balal li kienu jaqblu ma’ dawk misjuba fir-residenza ta’ Mallia.

L-imputat ġie mixli bil-pussess illegali ta’ arma tan-nar, li spara u qatel qattus kif ukoll li kkaġunalu wġigħ u tbatija bla bżonn. Huwa jinsab ukoll mixli li saq vettura mingħajr liċenzja jew polza ta’ assigurazzjoni, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ erba’ digrieti u li kien riċediv.

Mallia wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ekonomija

Sport