Saturday, December 21, 2024

Jinżamm arrestat wara li ħajjar nies imorru Franza u jisplodu lilhom infushom

Aqra wkoll

Mouhamadou Dosso ta’ 32 sena mill-Kosta tal-Avorju baqa’ jinżamm arresta wara li ġie akkużat li beda jħajjar persuni jitilqu minn Franza u jisplodu lilhom infushom f’attakk terrorisku. Hu tressaq il-Qorti għall-ħabta tal-10.30am

Wara ġimgħat ta’ sorveljanza, il-Pulizija ta’ Malta ċirkondat żewġ propjetajiet fil-Ħamrun biswit xulxin li minnhom, ġew elevati diversi oġġetti elettroniċi fosthom servers, u informazzjoni marbuta ma’ tixrid ta’ materjal estremista, fost oġġetti oħra.

Il-pulizija tal-iskwadra ta’ kontra t-terroriżmu bdiet l-investigazzjonijiet tagħha wara li rċiviet informazzjoni dwar dak li allegtament kien qed iwettaq Dosso.

Jirriżulta li r-raġel kien qiegħed jitkellem ma’ xi nies fuq il-midja soċjali u kien qiegħed iħajjarhom imorru Franza u jisplodu lilhom infushom f’attakk terroristiku.

Għall-akkużi miġjuba kontrih, ir-raġel wieġeb mhux ħati.

Id-difiża ddikjarat li f’dawn l-istadju tal-proċeduri mhux se titlob għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Zachary Zammit u Mohammed Shurrab flimkien mal-Avukati Dejan Darmanin u Mauro Abela. Għall-akkużat deher l-Avukat Victor Bugeja.

Ekonomija

Sport