Friday, December 13, 2024

MALTA JRID IKOLLHA VIŻJONI AMBIZZJUŻA B’MIRI ĊARI

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Pajjiżna jrid ikollu viżjoni ambizzjuża u b’miri ċari li jridu jintlaħqu ġurnata b’ġurnata. Biex din il-viżjoni tirnexxi għandha bżonn tiffoka fuq l-innovazzjoni u t-teknoloġija, is-sostenibilità u l-ekonomija ekoloġika, l-infrastruttura u l-iżvilupp tat-talent lokali. Dawn kollha flimkien insarrfuhom fi kwalità ta’ ħajja aħjar għax is-suċċess għall-Malta Vision 2050 mhux biss il-GDP imma huwa dwar kif iħossuhom iċ-ċittadini u kif qed tinbidel ħajjithom.

Stqarr dan il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri waqt li kien qed jindirizza business breakfast organizzat mit-Times of Malta fejn ittellgħet l-ewwel konsultazzjoni pubblika li se twassal għal Viżjoni Malta 2050. Viżjoni li trid tkun waħda ħolistika, ta’ kulħadd u mibnija fuq ħafna konsultazzjoni.

Proprju fil-jiem li għaddew il-Gvern nieda l-proċess li se jiddefinixxi l-viżjoni ta’ Malta għall-25 sena li ġejjin f’laqgħa mal-imsieħba soċjali. Din il-viżjoni se tkun qed tfassal id-direzzjoni strateġika għal pajjiżna għad-deċennji li ġejjin, b’attenzjoni partikolari fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha. Il-viżjoni se tinkludi miri speċifiċi li għandhom jintlaħqu sal-2035, biex b’hekk ikun hemm progress matul is-snin tal-viżjoni.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Schembri enfasizza fuq l-importanza li din il-viżjoni għandha tkun waħda ta’ nazzjon sħiħ. “Għaliex hemm bżonn l-għaqda? Għax il-pajjiż u d-dinja ma jistennew lil ħadd. L-avvanz se jibqa’ miexi ‘l quddiem. Quddiemna għandna sfidi kbar. It-teknoloġija qiegħda dejjem tinbidel. Il-pandemija biddlet il-mod kif naħsbu aħna. Il-gwerer madwar id-dinja qed iħallu l-effett tagħhom.”

Għaldaqstant, kompla jgħid il-Ministru Schembri jrid ikun hemm proċess ħolistiku li jiddefenixxi Malta fejn trid tkun fl-2050. Qal li: “għandna ħafna strateġiji tajbin imma dawn irridu ngħaqqduhom biex kulħadd ikun iffukat f’direzzjoni waħda. Mira prinċipali f’din il-viżjoni se tkun il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fil-fatt, it-tema prinċipali tal-Budget 2025 kienet il-kwalità.”

Tenna li dan huwa l-mument tal-għaqda u li għandna pedament sod li nistgħu nibnu fuqu. Semma kif fl-aħħar 10 snin inħoloq ħafna ġid f’dan il-pajjiż li minnu gawda l-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Filwaqt li l-qgħad fl-2012 kien fil-livell ta’ 6.2%, illum ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna hi ta’ 3%. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol żdiedet minn 47% fl-2012 għal 73% fl-2024.

Il-Gvern kompla wkoll jagħti s-sostenn bis-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils filwaqt li ssokta bl-investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda fosthom il-video game development, l-Esports u l-Fintech. “Dawn huma kollha setturi li qed naraw ir-riżultati tagħhom u hemm ħafna setturi fuq livell Ewropew li qegħdin inkunu fuq quddiem fihom,” tenna l-Ministru Schembri.

Madankollu, huwa sostna li fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, minkejja l-investiment li qed isir, pajjiżna għadu lura ħafna u għalhekk irridu nħaffu l-pass li jmiss biex din ir-rata togħla. “Riżorsi hemm u rridu x’direzzjoni se nagħtuha,” huwa żied jgħid.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Schembri qal li Gvernijiet jinbidlu imma l-pajjiż jibqa’ wieħed. Għalhekk m’għandniex nitilfu ċ-ċans li għandna ningħaqdu bħala poplu biex nilħqu mal-Viżjoni 2050 mhux biss bi proġetti tal-Gvern imma jrid ikun hemm sens ta’ moviment nazzjonali li jassigura li Malta tkun post tajjeb fejn wieħed jgħix, jikber u jaħdem.

Preżenti waqt dan il-business breakfast kien hemm il-President tal-GWU Victor Carachi li qal li l-union kienet minn ta’ quddiem bħala msieħba soċjali li pproponiet biex ikun hemm viżjoni ħolistika għat-tul. Dan kienet ipproponietu fl-2008. “Illum ninsabu kuntenti li kulħadd aċċetta din il-ħtieġa ta’ viżjoni għat-tul,” qal is-Sur Carachi.

Ekonomija

Sport