Monday, December 9, 2024

BUDGET

Aqra wkoll

It-tnedija tal-budget kull sena hu pass ewlieni fit-tmexxija tal-pajjiż. Imma jħalli impatt ħafna anqas qawwi milli jemmnu dawk li jvarawh min-naħa tal-gvern, u dawk li jmaqdruh min-naħa tal-Oppożizzjoni. Bla dubju, hekk se jiġrilu l-budget tal-2025.

Għax kwalunkwe budget, jitfaħħar l-għada jekk idaħħal miżuri pożittivi imma malajr dawn jintesew. Il-pedina tal-attenzjoni publika ddur band’oħra. Jibqgħu jitkellmu dwaru l-esponenti tal-gvern.

Jekk il-budget iressaq miżuri qarsa, allura hemm iva, jibqa’ jissemma. Il-kritika u l-kontroversji jfuru. Aktar u aktar meta l-miżuri “iebsa” jiġu biex jitwettqu. Matul l-aħħar għoxrin sena, il-gvernijiet baqgħu attenti biex kemm jista’ jkun il-morr jinżamm bogħod mill-budget. Mhux f’Malta biss. Kullimkien.

Xorta l-għajta fl-Unjoni Ewropea baqgħet dwar il-ħtieġa li r-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jiġu osservati. Numru kbir ta’ pajjiżi sabu li dan aktar faċli ssostnih milli twettqu. L-aħħar pajjiż li kellu jaffaċċja din il-problema kien il-Ġermanja, li l-aktar insistiet għal rispett sħiħ tar-regoli Ewropej maħsuba biex il-baġits tal-gvernijiet ikunu “responsabbli”.

GAZZETTI POLITIĊI

Jien wieħed min-nies li matul is-snin, iddefendew il-ħtieġa li l-partiti jkollhom il-gazzetti u l-mezzi ta’ kumnikazzjoni tagħhom.

Biss nammetti li xi kultant (?) l-esiġenzi partiġġjani jwasslu biex ngħidu aħna, l-gazzetti tal-partiti jaġixxu bħall-karikaturi li l-kompetituri tagħhom jagħmlu minnhom.

Il-Ħadd li għadda z-zewġ gazzetti tal-partiti kellhom varjetà ta’ attakki fuq xulxin, simetriċi fis-suġġetti li qalgħu kontra xulxin. Kont qisek qed taqra r-rifless tal-abjad u tal-iswed jitbandal bejniethom.

Dwar ħaġa waħda mid-dehra t-tnejn qablu. Ma ġabu l-ebda referenza (rapport… kumment) għall-protesta li saret f’San Ġiljan il-ġurnata ta’ qabel, kontra l-monstrosità ta’ bini ta’ lukandi li se tittella’ f’Villa Rosa.

Tgħid kienet kumbinazzjoni li t-tnejn injorawha?

TAL-MISTĦIJA

Biex tibdel munita minn ewro għal sterlina jew dollaru, ma tistax tuża l-internet. Trid bilfors tmur għand kaxxier ta’ bank (fost oħrajn).

Dil-ġimgħa, f’fergħa tal-BOV li m’hemmx għalfejn tissemma imma f’żona fejn il-fergħat tal-bank naqsu: minn tliet postijiet ta’ kaxxiera, wieħed biss kien mimli. Nies jistennew: 7. Ħamsa u għoxrin minuta wara, wieħed biss kien inqeda. Minn dawn il-25 minuta, il-kaxxier kien qatta mat-13-il minuta barra minn postu (biex jikkonsulta?) u 7 oħra jaħdem fuq karti li kellu quddiemu mingħajr ma sejjaħ għal min imissu jinqeda.

Bla dubju, għand l-HSBC l-affarijiet mhumiex aħjar, forsi huma agħar. Il-banek f’Malta (li fit-teorija jixirqilhom kull appoġġ) qed jabbużaw fuq numru ta’ fronti: jimmoltiplikaw it-tariffi amministrattivi; iżommu baxx l-imgħaxijiet li jħallsu waqt li jgħollu dawk li jiċċarġjaw; bl-iskuża ta’ “cost cutting” jipprovdu servizz tal-mistħija lill-klijenti.

Ekonomija

Sport