Thursday, December 26, 2024

Jinżamm arrestat wara li nqabad jisraq minn residenza f’Santa Venera 

Aqra wkoll

Raġel ta’ 38 sena residenti Ħal Għaxaq u li għandu problema tad-droga, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’serq ta’ flus konanti minn residenza f’Santa Venera 

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-imputat inqabad jisraq permezz ta’ filmati tas-CCTV li aktar tard inġabru mill-pulizija.

L-Ispettur qalet li l-Pulizija ġabret ukoll filmati mill-għassa taż-Żejtun fejn l-imputat deher liebes bl-istess ħwejjeġ li bihom wettaq is-serqa mir-residenza. 

Ġie rrimarkat ukoll li l-imputat kien qiegħed barra fuq diversi libertajiet proviżorji u li x-xahar li għadda, tressaq il-Qorti mixli li seraq ammont sostanzjali ta’ deheb minn residenza. 

Fil-Qorti, huwa wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża ma tagħmel ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. 

L-avukat difensur, Amadeus Cachia talab lill-Qorti sabiex l-imputat jinżamm fis-sezzjoni foresika fl-isptar Monte Carmeli. L-Avukat Cachia qal li l-akkużat, għandu l-vizzju tad-droga

Il-Qorti irrakkomandat lid-Direttur tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jagħti lill-imputat l-assistenza li jeħtieġ sakemm idum arrestat. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christina Delia, Sarah Zerafa u mgħejjuna mill-Avukat Andreas Vella mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali

Ekonomija

Sport