Sunday, November 24, 2024

Jinżammu arrestati wara li ġew mixlija b’serq minn vetturi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 49 sena minn Santa Venera u ieħor ta’ 48 sena nżammu arrestati wara li ġew akkużati b’diversi serqiet minn vetturi f’lokalitajiet differenti.

Jirriżulta li dwar dan il-każ mistennija jitressqu aktar persuni fil-jiem li ġejjin hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni bdiet madwar 3 xhur ilu hekk kif daħlu diversi rapporti ta’ serq minn vetturi f’lokalitajiet mifruxa ma’ Malta. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li għandha filmat fejn wieħed mill-akkużati flimkien ma’ persuna oħra jidhru qegħdin iwettqu waħda mis-serqiet.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom, fejn id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest. Kemm il-Prosekuzzjoni u anke d-difiża qalu lill-Maġistrat Rizzo li l-akkużat għandu problema tad-droga u kien ikun aħjar għalih jekk jinżamm fit-taqsima forensika f’Monte Carmeli.

Kien hawn li l-Qorti rrakommanda lid-Direttur tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin sabiex l-akkużat jiġi mgħejjun bi kwalunkwe assitenza sabiex jindirizza l-problema li għandu tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Guilanna Magro Conti f’isem l-Avukat Generali flimkien mal-Ispettur Ritienne Gauci. Għall-akkużati deher l-avukat tal-għajnuna legali Wilfrid Buttigieg.

Sport