Tuesday, April 30, 2024

Jippreżenta evidenza fil-kawża kostituzzjonali kontra s-Supretendenza tas-Saħħa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Fil-Qorti wettaqt id-dmir ċivili tiegħi u tajt evidenza fil-kawża kostituzzjonali kontra s-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika”. Ikkonferma dan t-Tabib tal-familja, speċjalista u riċerkatur Jean Karl Soler.

Soler spjega li hu jemmen li ċertu miżuri, speċjalment fil-bidu tal-pandemija kienu ġustifikati, iżda t-triq bħal donna ntilfet wara l-ewwel ftit ġimgħat.

Soler ikompli li lockdowns u restrizzjonijiet fis-sajf, meta l-effett tal-firxa jonqos, ikompi jagħmilha aktar diffiċli. Barra minn hekk it-Tabib żied jgħid li l-mandat tal-maskra u l-vaċċin urew li kienu ineffettivi. Tenna jgħid li huwa tajjeb li ċertu miżuri ristrettivi ħorox ġew rilaxxati, iżda n-nies għadhom qegħdin jiġu pressati biex jieħdu l-vaċċin jew il-booster anke jekk dan ikkawżalhom ħsara fil-passat.

“Sfortunatament, minkejja evidenza ssostanzjata għadna m’aħniex nirrikonoxxu l-protezzjoni li kapaċi toffri l-immunità naturali”, żied jgħid Soler.

Tkellem ukoll dwar dak li seħħ wara s-seduta fil-Qorti meta bħala grupp iddeċidew li jmorru jieħdu kafe. Ġew rifjutati minn żewġ stabbilimenti minħabba li xi persuni ma kellhomx iċ-ċertifikat u t-tielet wieħed aċċettahom fuq mejda barra fil-kesħa.

“Jien għandi ċ-ċertifikat validu. Irrifjutajt li nużah b’solidarjetà ma’ dawk li qegħdin jiġu mċaħħdin mid-drittijiet tagħhom”, temm jgħid Soler.

Sport