Sunday, December 22, 2024

Jippromwovu l-paċi u l-iżvilupp b’ġirja bir-roti

Aqra wkoll

Biex ikun iċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Isport għall-Iżvilupp u l-Paċi, li jitfakkar kull sena fis-6 ta’ April, il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group, Pio Vassallo, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija sussidjarja ta’ Vassallo Group, CareMalta, James Sciriha, qadfu bir-rota minn dar u faċilità għal oħra, li jitmexxew minn CareMalta, bħala turija ta’ għaqda. 

Ipparteċipaw b’suċċess anke iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Nathalie Briffa Farrugia flimkien ma’ tnejn mid-Diretturi ta’ Vassallo Group, Charlo Bonnici u Neville Calleja li koprew parti mir-rotot tal-Vassallo Group Century Ride billi ġrew.

B’kollox il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group, Pio Vassallo u l-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta, James Sciriha marru fi 12-il dar u faċilità u koprew mal-100km.

L-attività li saret lejliet il-Jum Internazzjonali tal-Isport għall-Iżvilupp u l-Paċi bdiet fit-8:00 am minn Casa San Paolo f’San Pawl il-Baħar u spiċċat għall-ħabta tas-1:30pm hekk kif waslu fl-aħħar residenza li kienet Cara Arkati, il-Mosta, li titmexxa minn CareMalta u minn hemm qabdu l-aħħar rotta lejn l-uffiċini ta’ Vassallo Group u CareMalta li jinsabu l-Mosta stess, biex b’hekk għaqdu il-100km.

Il-Jum Internazzjonali tal-Isport għall-Iżvilupp u l-Paċi jiġi ċċelebrat kull sena fis-6 ta’ April biex ikun promoss aktar l-aspett pożittiv tal-isport u l-attività fiżika.

Hekk kif waslu fl-aħħar destinazzjoni, li kienet Casa Arkati, iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Natalie Briffa Farrugia saħqet kemm tinsab kburija li Vassallo Group ingħaqad għal din il-ġurnata li għandha sinifikat importanti. 

“Minn ħaddiema, residenti fi djar ta’ CareMalta sat-tmexxija tal-Grupp għażilna li nipparteċipaw f’din l-inizjattiva b’modi differenti għaliex nemmnu li fis-soċjetà li niffurmaw parti minnha kulħadd jista’ jagħti xi ħaġa skont il-kapaċitajiet tiegħu minkejja l-isfidi li naffaċċjaw ta’ kuljum. Nemmen li jekk inrawwmu aktar il-kultura tal-isport u l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku, mentalment inkunu aktar determinati biex noħolqu serenità, jew aħjar paċi, f’dak li ngħidu u nagħmlu għaliex l-isport jista’ jintuża bħala mezz biex dejjem jonqsu l-indifferenzi, f’kull livell.” 

Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group, Pio Vassallo qal li llum il-ġurnata id-dinja qed taffaċċja sfidi li ntirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra bħall-faqar, it-tibdil fil-klima, l-pandemija tal-Coronavirus u dak li l-gwerra li gżaddejja bħalissa fl-Ukrajna wara li r-Russja invadiet lill-pajjiż ġar tagħha. 

“Fid-dawl ta’ dan kollu irridu ngħelbu d-differenzi u naħdmu flimkien aktar minn qatt qabel, bħala tim u l-isport għandu s-saħħa li jista’ jagħmel differenza fuq livell globali. L-isport jista’ joħloq ambjent aktar sigur u jwassal għall-paċi u dan hu dak li dwaru ridna noħolqu aktar kuxjenza meta ddeċidejna li norganizzaw il-Vassallo Group Century Ride”, kompla jispjega Pio Vassallo.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta, James Sciriha spjega li l-kunċett ta’ unità u diversità fid-djar u l-faċilitajiet kollha li tmexxi CareMalta, jingħataw prijorità. Qal li b’hekk jirnexxielhom joħolqu aktar rispett u ftehim bejn il-ħaddiema u r-residenti li għandhom kulturi u nazzjonalitajiet differenti. Is-Sur Sciriha qal li b’dan l-approċċ ta’ interkuluraliżmu jirnexxielhom joħolqu sens ta’ paċi madwar ir-residenzi u l-faċilitajiet kollha ta’ CareMalta.

“L-isport għandu s-saħħa li jgħaqqad lin-nies ta’ kulturi, twemmin u orientazzjoni differenti. Kulħadd magħqud għal għan wieħed. L-isport m’għandux fruntieri,” kompla jispjega s-Sur James Sciriha.

Ipparteċipa ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Mediterranean College of Sport u ta’ Learning Works Malta, Charlo Bonnici, li minn naħa tiegħu, fi tmiem l-attività tkellem dwar il-ħidma ta’ Vassallo Group li dejjem għażel li jippromwovi l-importanza tal-isport.

Charlo Bonnici kompla jispjega billi semma’ kif Learning Works Mata, kumpanija sussidjarja ta’ Vassallo Grupp, preżentament qed tiżviluppa kulleġġ privat, il-Mediterranean College of Sport, l-MCS.

“Il-livell għoli ta’ edukazzjoni li se jirċievu l-istudenti atleti f’dan il-kulleġġ se jkun primarjament iffukat fuq ix-xjenza tal-isport, riċerka u analiżi. Huma se jkunu iggwidati minn edukaturi li jispeċjalizzaw fil-qasam tal-isport. Aħna rridu li jitħaddan approċċ fejn l-istudent ikun fiċ-ċentru ta’ dan il-vjaġġ edukattiv. B’hekk biss l-istudenti atleti jkollhom il-possibiltà li jeċċellaw fl-istudju tagħhom.”

Il-Mediterranean College of Sports, li mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu fl-2024, se jipprovdi numru ta’ faċilitajiet sportivi fosthom grawnd tal-futbol, pixxina u ċentru iddedikat għax-xjenza tal-isport fost faċilitajiet oħra. Il-proġett se jkun qed jinkludi ukoll parkeġġ taħt l-art.

Fl-2013 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti iddikjarat is-6 ta’ April bħala l-Jum Internazzjonali tal-Isport għall-Iżvilupp u l-Paċi bl-iskop li l-effett pożittiv li jħalli l-isport jilħaq aktar nies madwar id-dinja u fl-istess ħin jgħin jippromwoki d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku u fuq kollox dak soċjali.

Ekonomija

Sport