Wednesday, March 27, 2024

Jirrifjuta li jixhed kontra dak li allegatament aggredieh

Aqra wkoll

Raġel li kien qala’ daqqa ta’ pala f’rasu waqt aggressjoni quddiem garaxx fil-Marsa s-sena l-oħra rrifjuta li jixhed kontra l-allegat aggressur tiegħu.

Il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Khaled Eddali mil-Libja kompliet quddiem il-Maġistrat Monica Vella, bit-tieni vittma tal-aggressjoni tas-7 ta’ Novembru 2021 jissejjaħ biex jixhed.

Eddali jinsab akkużat, fost reati oħra, bl-attentat ta’ qtil ta’ Sirjan, Abdelaziz Marzouk, li allegatament aggredih b’ħadida twila metru. Marzouk kien intlaqat f’rasu, dirgħajh u f’riġlejh.

Il-vittma s-sena l-oħra spjega fil-Qorti li kien qatta’ 14-il jum “rieqed” l-isptar b’riżultat tal-aggressjoni u li kien insteraqlu l-mobile u madwar €60 fi flus kontanti.

Żewġ kuntistabbli tal-pulizija xehdu dwar l-involviment tagħhom fl-investigazzjoni, li kienet limitata għall-għassa tax-xena tad-delitt u skorta lil Eddali fi klinika għall-kura.

Illum kellu jixhed raġel ieħor allegatament midrub mill-akkużat waqt l-inċident. Mohammed Abdel Ashid, mis-Somalja iżda residenti l-Imsida, tela’ fuq il-pedana tax-xhieda iżda kien infurmat li jista’ jagħżel li ma jixhidx biex ma jinkriminax lilu nifsu.

“Irrid nipproteġi lili nnifsi u d-drittijiet tiegħi,” qal ix-xhud filwaqt li rrifjuta li jixhed.

Il-każ ġie differit għal Frar.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Roderick Attard, Omar Zammit u Lydon Zammit megħjuna mill-Avukati Etienne Savona u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport