Wednesday, March 27, 2024

X’ĠARA MATUL L-2022 (l-ewwel parti)

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Mingħajr dubju ta’ xejn din is-sena li dalwaqt tiġi fi tmiemha kienet iddominata mill-aħbarijiet tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna wara li dan il-pajjiż ġie invadut mill-Armata Russa. Però, kif rajna ġimgħa wara l-oħra f’dawn il-paġni, matul l-2022 seħħew ġrajjiet oħra madwar id-dinja li huma ta’ ċertu importanza għall-andament tal-politika internazzjonali.

Il-Gwerra ġewwa l-Ukrajna

Fl-24 ta’ Frar, Vladimir Putin ordna l-invażjoni tal-pajjiż ġar tiegħu l-Ukrajna bl-iskuża frivola li ried jeqred ‘it-theddida Nażista’ li skont huwa kien hemm ġewwa dan il-pajjiż ta’ kważi 45 miljun ruħ. Dan meta l-istess Volodymyr Zelensky, il-President Ukren, iħaddan reliġjon Lhudija u allura bl-ebda mod ma jista’ jara’ xi ħaġa pożittiva fin-Nażismu.

Minkejja li Putin kien ħaseb li din l-invażjoni kienet se tkun waħda li tiegħu ‘ftit ġimgħat’, l-armata Ukrena rnexxielha żżomm il-qawwa tal-invażur. L-Armata Russa, min-naħa tagħha, ddiżappuntat bil-kbir tant li kellha ħafna mill-apparat tagħha li ma ħadimx kif suppost u fuq kollox kien hemm dubji kbar dwar il-kompetenza tal-istrateġisti militari tagħha. Naturalment, l-armata Ukrena rnexxielha sa issa tikkontrolla l-armata ta’ Putin minħabba li ngħatat għajnuna militari u finanzjarja mill-Istati Uniti u mill-Ewropa.

Il-frustrazzjoni Russa matul din il-gwerra, li ta’ min jgħid għall-bidu l-istess Putin kien sejħilha bħala ‘sempliċi eżerċizzju militari’ issarrfet f’attakki ħorox f’żoni residenzjali, attakki li ħallew eluf ta’ nies ċivili mejta jew mingħajr djar, kif ukoll f’torturi fuq suldati Ukreni li ġew f’idejn l-Armata Russa, ħtif ta’ nies inkluż tfal u fuq kollox theddid kontinwu li r-Russja qiegħda tikkonsidra li tuża armamenti nukleari.

Konsegwenza tal-attakki ma jaqtgħu xejn mir-Russi, kważi tmien miljun ruħ ħarbu mill-Ukrajna u sabu refuġju ġewwa pajjiżi oħra l-aktar madwar l-Ewropa. Kważi l-istess numru ta’ persuni jingħad li kellhom iħallu l-postijiet fejn kienu jgħixu u spiċċaw refuġjati f’pajjiżhom stess. Fuq kollox, skont ġurnali rinomati bbażati ġewwa l-punent, sa issa, din il-gwerra ħalliet kważi mitt elf suldat miż-żewġ naħat mejta kif ukoll madwar ħamsin elf vittma oħra fost il-popolazzjoni ċivili.

Minkejja li bħalissa l-mewġa tidher li daret kontra r-Russja minħabba li l-qawwiet Ukreni reġgħu ħadu taħt idejhom ħafna mit-territorju mitluf, ir-Russja diġà qiegħda tipprepara mijiet ta’ eluf ta’ truppi friski sabiex jintbagħtu jiġġieldu ġewwa l-Ukrajna. Ta’ min jgħid li dan l-aħħar smajna li ħafna żgħażagħ Russi qegħdin jistaħbew jew jaħarbu minn pajjizhom sabhiex jevitaw il-lieva. Qiegħed jingħad ukoll li Putin qiegħed jirrikorri lejn armata magħmula minn merċenarji li saħansitra qegħdin jħarrġu ġellieda minn fost il-ħabsin.

Minbarra f’hekk, l-istrateġija Russa qiegħda kulma tmur tikkonċentra sabiex tieħu vantaġġ mit-temp xitwi estrem li hemm bħalissa billi teqred l-infrastrutturi li bihom il-poplu Ukren isaħħan djaru jiġifieri l-provvista elettrika u tal-gass. Ta’ min jgħid li t-temp kiesaħ minn dejjem ġab il-fortuna lir-Russja minħabba li fil-passat kien il-fattur ewlieni sabiex ir-Russja rebħet lil Napuljun u lil Hitler. Però, fiż-żewġ episodji li semmejna, l-armata Russa kienu fis-sitwazzjoni li tinsab fiha bħalissa dik Ukrena għaliex kienet qiegħda tiġġieled għall-ħelsien ta’ pajjiżha.

Il-punent impona numru kbir ta’ sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja, sanzjonijiet li jinkludu l-iffrizar ta’ ħafna assi internazzjonali tar-Russja, it-twaqqif ta’ sistema ta’ ħlasijiet ghal negozji internazzjonali kif ukoll is-sospensjoni ta’ bejgh lill-kumpaniji Russi ta’ prodotti teknologici. Ajruplani Russi ma għadhomx jitħallew jagħmlu użu minn ajruporti internazzjonali ġewwa l-punent u ħafna kumpaniji kbar waqfu n-negozju tagħhom ġewwa r-Russja.

Konsegwenza tal-gwerra ġewwa r-Russja rajna l-isplużjoni tal-prezz taż-żejt li min-naħa tagħha ġabet żieda kbira fil-prezzjiet tal-prodotti essenzjali. Tant għolew il-prezzijiet li qiegħed jiġi stmat li dawn ħolqu instabilità politika f’xejn inqas minn 90 pajjiż madwar id-dinja.

Żgur li kienet daqqa ta’ ħarta kbira għall-Putin l-aħbar li l-Fillandja u l-Iżvezja kienu qegħdin japplikaw formalment sabiex jingħaqdu man-NATO minħabba li kienu qegħdin jibżgħu li sejrin ikunu invaduti huma wkoll minn Putin. Dan minħabba li meta dawn jingħaqdu man-NATO, ir-Russja sejra jkollha kważi d-doppju ta’ fruntiera ma’ pajjiżi tan-NATO, sitwazzjoni tassew ironika meta wieħed iqis li raġuni oħra li ġab Putin sabex jiġġustifika l-invażjoni kienet li ma riedx lin-NATO wara biebu.

Sena ħażina għar-Renju Unit

Is-sena 2022 tibqa’ magħrufa fl-istorja politika tar-Renju Unit, l-ewwel u qabel kollox minħabba l-mewt tar-Reġina Eliżabetta, mewt li ġabet it-tmiem ta’ era, kif ukoll minħabba l-instabilità politika li kien hemm matul din is-sena, instabilità li rat lill-pajjiżi li jiffurmaw ir-Renju Unit jkollhom tliet prim ministri differenti appuntu matul din is-sena. Fuq kollox, rajna l-umiljazzjoni ta’ Liz Truss li kellha tirreżenja wara biss 40 jum fit-tmexxja. Però, jidher li l-ħatra ta’ Rishi Sunak, l-ewwel prim ministru Ingliż ta’ ġilda skura kkalmat xi ftit is-sitwazzjoni.

Titfakkar il-memorja tar-Reġina Eliżabetta

Iċ-Ċina lura lejn żmien Mao Zetung?

Xi Jinping, il-mexxej suprem Ċiniż dar mal-kostituzzjoni ta’ pajjiżu u sab mod kif iżomm il-poter f’idejh minkejja li kien skadielu t-terminu tiegħu li kellu skont il-liġi sabiex imexxi liċ-Ċina. Dan għamlu billi ħatar il-membri kollha tal-Pulitburo minn fost l-aktar nies leali lejh. Ta’ min jgħid li mexxejja suċċessuri ta’ Mao Zetung, li kien daħħal il-Komuniżmu ġewwa ċ-Ċina lejn l-aħħar tas-snin erbgħin u li kien mexxa b’mod dittatorjali b’miljun ta’ nies jitilfu ħajjithom minħabba l-policies li kien daħħal, kienu daħlu l-limitu ta’ żewġ legiżlaturi għall-mexxej suprem Ċiniż appuntu sabiex ma jerġax jiġri dak li kien ġara fi żmien Mao. Għalhekk, Xi Jinping neħħa din il-protezzjoni li kien daħħal Deng Xiapang, is-suċċessur ta’ Mao u li kien fetaħ liċ-Ċina għal relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-punent, ftuħ li wassal sabiex illum iċ-Ċina hija wieħed mill-aktar pajjiżi sinjuri u dalwaqt tkun ikkunsidrata bħala superpotenza.

Xi Jinping, il-mexxej suprem Ċiniż

Sadanittant, it-tielet legiżlatura ta’ Xi Pinjing ma tantx bdiet fuq nota tajba għaliex bħalissa gewwa ċ-Ċina qegħdin isiru numru kbir ta’ protesti li ilna ma naraw bħalhom. Dawn il-protesti huma assoċjati mal-Covid. Għall-ewwel il-protesti bdew għaliex il-protestanti qegħdin jippretendu li ċ-Ċina terħi xi ftit mill-miżuri ta’ kontra l-imxija tal-virus, ħaġa li l-Gvern Ċiniż bħalissa ma jistax jagħmel għaliex milli jidher il-pajjiż falla li jlaqqam tajjeb parti mill-popolazzjoni tiegħu, l-aktar dik anzjana. Ta’ min jgħid li Xi Jinping għadu qiegħed jirrifjuta li juża tilqim li ġej minn kumpaniji bbażati fil-punent.

Jissokta…..

Ekonomija

Sport