Jirritorna fuq il-Fosos il-Malta International Food Festival biex jiċċelebra l-10 edizzjoni tiegħu

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel qed jappoġġja r-ritorn tal-Malta International Food Festival, li se jittella’ bejn l-Erbgħa 5 u l-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2026 fil-Fosos tal-Furjana.

Din is-sena, il-festival qed jiċċelebra l-10 edizzjoni tiegħu b’programm akbar u aktar varjat, li se jlaqqa’ flimkien l-aqwa togħmiet minn madwar id-dinja f’ċelebrazzjoni tal-ikel, il-kultura u d-divertiment. Matul dawn l-għaxar snin, il-festival kompla jikber sena wara sena u sar wieħed mill-akbar avvenimenti gastronomiċi f’Malta, li kull sena jilqa’ eluf ta’ Maltin, Għawdxin, barranin u turisti.

Matul il-ħamest ijiem tal-festival, il-pubbliku se jkollu l-opportunità jduq aktar minn 1,000 platt differenti minn 42 kċina internazzjonali. Fl-istess ħin, spazju prominenti se jingħata lill-kċina Maltija u lill-prodotti lokali, bil-għan li jkomplu jiġu promossi l-kwalità, l-awtentiċità u l-valur tal-prodott Malti.

Il-festival se jiġbor flimkien aktar minn 100 esebitur, fosthom ristoranti, produtturi, importaturi u marki ewlenin tal-industrija tal-ikel u x-xorb, u b’hekk ikompli joffri pjattaforma importanti għall-promozzjoni tal-prodotti u n-negozji lokali.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li festivals bħal dawn huma opportunità importanti biex il-prodott Malti jitqiegħed fiċ-ċentru tal-esperjenza gastronomika u jingħata l-prominenza li jistħoqqlu.

“Il-Malta International Food Festival huwa pjattaforma importanti li mhux biss tiċċelebra l-kċejjen tad-dinja, iżda wkoll tagħti spazju u viżibilità lill-prodotti lokali tagħna. Għandna prodotti ta’ kwalità li huma frott il-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u l-produtturi Maltin, u huwa dmirna nkomplu noħolqu opportunitajiet biex dawn ikunu magħrufa u apprezzati minn kulħadd. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed inkomplu nsaħħu l-katina agroalimentari Maltija filwaqt li nippromwovu lil Malta bħala destinazzjoni gastronomika ta’ livell għoli,” sostna l-Ministru Refalo.

Filwaqt li ferħet lill-organizzaturi talli għall-għaxar sena qed jorganizzaw dan l-avveniment tant imfittex mill-pubbliku, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar esprimiet sodisfazzjon għall-parteċipazzjoni mill-ġdid tal-Ministeru permezz tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ukoll għal darb’oħra ġab flimkien numru ta’ komunitajiet internazzjonali preżenti f’pajjiżna biex jipparteċipaw fuq il-Fosos f’dawn il-jiem. Hija qalet li “l-mejda tal-ikel hija dak il-post fejn kulħadd jingħaqad flimkien u jsir dak l-inkontru uman li huwa l-bażi tal-integrazzjoni vera, li mbagħad huwa msaħħaħ bil-politiki u s-servizzi varji li noffru. Dan huwa partikolarment importanti f’soċjetà diversa u multikulturali bħalma hi tagħna, fejn f’ambjent sabiħ u rilassat bħalma jkun hawn fuq il-Fosos insiru nafu lil xulxin u nwaqqgħu l-preġudizzji biex minflok nittrattaw lil kulħadd b’mod ugwali u b’rispett sħiħ.”

Minbarra l-esperjenza kulinarja, il-programm se jinkludi spettakli mużikali kuljum, wirjiet kulturali, attivitajiet għall-familja kollha, żona ddedikata għat-tfal u diversi attrazzjonijiet oħra li jagħmlu dan il-festival wieħed mill-aktar appuntamenti mistennija fil-kalendarju tas-sajf Malti.

Il-Malta International Food Festival ikompli jservi bħala pjattaforma importanti għall-promozzjoni tal-prodott Malti u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-produtturi, l-operaturi u n-negozji lokali, filwaqt li jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni gastronomika fil-qalba tal-Mediterran. Il-festival jagħti wkoll opportunità sabiex kulturi u nazzjonijiet differenti jaqsmu bejniethom l-esperjenzi kulinarji u t-tradizzjonijiet tagħhom f’avveniment li jgħaqqad lin-nies permezz tal-ikel.

Il-festival se jkun miftuħ kuljum mis-6:00 p.m. sa nofsillejl fil-Fosos tal-Furjana. Il-Ministeru jistieden lill-pubbliku jattendi għal dan l-avveniment li jgħaqqad l-aqwa togħmiet, il-kultura u d-divertiment, filwaqt li jkompli jagħti prominenza lill-prodotti ta’ kwalità prodotti minn bdiewa, raħħala, sajjieda u produtturi Maltin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport