Friday, December 13, 2024

Jirritorna lura d-dar wara sitt xhur ta’ trattament

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Jgħidu li b’ritratt tista’ tirrakkonta storja u proprju hekk jagħmel ritratt li ttella’ fuq il-paġna tal-midja soċjali ta’ Puttinu Cares fl-aħħar sigħat. Permezz tiegħu mhux biss ingħatat aħbar sabiħa iżda fih jidher biċ-ċar kemm l-infermiera tassew imorru pass oltre mix-xogħol tagħhom fejn, apparti li jaħdmu biex jipprovdu l-aħjar kura, jaraw li tassew ikunu hemm għall-pazjent u fejn jistgħu jaraw li jnisslulhom tbissima.

Fil-fatt, bi tbissima fuq fommhom, ħabbru li t-tfajjel bl-isem ta’ Jungyi llum se jkun qed jirritorna lura d-dar wara sitt xhur ta’ trattament.

F’kumment li tħalla taħt dan ir-ritratt miktub minn persuna li taf lil dan it-tfajjel, intqal li huwa mar id-dar sabiex ikun jista’ jiċċelebra il-“Lantern Festival” u Jum San Valentinu mid-dar, li huwa wkoll għeluq sninu. 

“Grazzi lit-tobba, l-infermiera u l-istaff kollha, inthom persuni mill-aqwa! Grazzi wkoll lil kull min jieħu ħsiebna u jgħinna. Is-sena Ċiniża t-tajba lilkom ilkoll!”

Intant Puttinu Cares qalet: “Bid-dmugħ f’għajnejh ma jridx jitlaq u dik hija s-sbuħija tal-imħabba, il-kura u l-appoġġ li rċieva matul il-vjaġġ tiegħu.”  Żiedet tgħid li se jħossu n-nuqqas tiegħu b’mod speċjali tat-tbissima tiegħu. 

Filwaqt li bosta kienu dawk li ferħu lil dan it-tfajjel u awgurawlu li jibqa’ b’saħħtu, ma naqsux l-għadd kbir ta’ messaġġi ta’ ringrazzjament fejn iddeskrivew lill-infermiera bħala eroj, anġli u raġġ ta’ dawl għall-pazjenti u l-familjari tagħhom.

Ekonomija

Sport