Sunday, November 24, 2024

Jisħaq li min ma jimxix mar-regolamenti tal-iskart għandu jsib l-infurzar jilħqu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għadda żmien biżżejjed mindu nbidlet l-iskeda nazzjonali dwar il-ġbir tal-iskart. Min kellu jidra suppost dara. Min kellu jitgħallem suppost tgħallem. Naħseb li issa huwa ż-żmien propizju li min se jibqa’ ma jridx jaderixxi mal-iskeda naturalment ikun hemm l-id tal-infurzar li tilħqu.”

Dan qalu l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava meta tkellem ma’ Talk.mt dwar il-problema tal-iskart, li l-aktar li tidher hija fin-nuqqas ta’ żamma ta’ ħinijiet tal-iskeda u s-separazzjoni tal-iskart.

Waqt li nsista li f’ħafna lokalitajiet l-iskeda qiegħda taħdem b’mod tajjeb, is-Sur Fava qal iżda li għadek issib residenti li mhux jaderixxu magħha u għaldaqstant ma joħorġux il-borża t-tajba meta suppost.

“It-Tlieta u s-Sibt tinġabar il-borża s-sewda, iżda xorta għadna naraw nies li joħorġu din il-borża kuljum. Hemm ukoll il-problema li n-nies mhux jisseparaw lin-nies b’mod tajjeb. Kif intqal ftit tal-ġranet ilu, 30% tal-iskart fil-borża s-sewda huwa skart li jista’ jiġi riċiklat u jmur faċilment fil-borża l-bajda jew fil-ħadra,” qal is-Sur Fava.

Huwa tkellem ukoll dwar sitwazzjonijiet differenti fejn hemm kirjiet qosra, farmhouses u stabbilimenti kummerċjali jew tal-catering. Dwar is-short-lets, huwa qal li f’pajjiżna m’għandniex liġi fejn sid ta’ appartament ikollu jassumi r-responsabbiltà tan-nuqqas li jagħmel il-klijent tiegħu, u bħala assoċjazzjoni kienu ressqu proposta f’dan ir-rigward.

Huwa żied jgħid li l-Assoċjazzjoni proponiet ukoll li l-amministraturi tal-blokok ikunu reġistrati mal-Kunsilli Lokali sabiex dawn tal-aħħar ikunu jafu ma’ min għandhom jitkellmu, f’każ ta’ bżonn. Dwar l-istabbilimenti tal-catering, huwa semma kif minkejja li bil-permess tal-MTA huma obbligati li jkollhom kollettur privati tagħhom, hemm min qiegħed joħroġ l-iskart u jħalltu ma’ tar-residenti.

Semma wkoll li l-Assoċjazzjoni kienet għamlet tentattiv ukoll sabiex il-persuni barranin li jingħataw permess tax-xogħol f’pajjiżna, dawn ikunu registrati mal-lokalità fejn jgħixu sabiex il-Kunsilli jkunu jistgħu jikkomunikaw magħhom bl-ilsien tagħhom u jsaħħu l-komunikazzjoni, anki b’kampanji li jsiru.

Semma wkoll li l-Kunsilli Lokali għandu jkollhom contracts manager li jissorvelja li s-servizz jingħata b’mod tajjeb mill-kuntratturi. Ħafna kunsilli humwa dawk li għandhom dan is-servizz. Spjega li meta jingħad li filgħaxijiet ikun hemm bżonn jerġa’ jsir il-ġbir tal-iskart, dan ifisser li xorta jkun hemm nies li jibqgħu jippersistu li anke wara li jkun għadda l-kollettur, jibqgħu joħorġu l-iskart tagħhom.

“Dan jiġġustifika kemm huwa importanti li f’dawn il-postijiet jintbagħtu l-forzi tal-ordni sabiex jinfurzaw ma’ dawn in-nies,” qal is-Sur Fava. Huwa tenna u enfasizza l-bżonn ta’ sens ċiviku u li s-soluzzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart ma tibdiex mill-bieb ‘il barra iżda tibda mill-kċejjen ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-mod kif niddisponu l-iskart tagħna hija ċ-ċavetta għal parti kbira mis-soluzzjoni.

Sport