Sunday, December 22, 2024

Jissaħħaħ is-sussidju fuq xogħlijiet relatati ma’ strutturi perikolużi fi proprjetà privata

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, ħabbar it-titjib tal-iskema ta’ Sussidju għal Strutturi Perikolużi (‘SSP’) għal individwi u familji li jgħixu f’residenzi privati li huma mikrija skont il-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995 u li jkollhom bżonn urġenti ta’ manutenzjoni straordinarja.

Dan it-tisħiħ tal-iskema ‘SSP’, li ilha attiva mis-sena 2013, se tindirizza t-tħassib li jaf ikollhom kemm is-sidien kif ukoll l-inkwilini ta’ proprjetajiet fil-kera antika, li sa issa ma kinux eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat f’dawn iċ-ċirkostanzi minħabba li d-dħul u l-assi tagħhom kienu jaqbżu l-massimu permess skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskema, jew li kellhom ħsarat li jeċċedu l-għotja massima, li kienet ta’ €10,000. Wara konsultazzjoni entensiva mal-atturi prinċipali f’dan is-suq ta’ kirjiet ikkontrollati, li kien essenzjali biex titfassal ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 li daħlet fis-seħħ f’Ġunju tal-2021, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ddeċieda li għandu jestendi l-applikabbiltà ta’ din l-iskema għal persuni li għandhom assi li jammontaw għal mhux aktar minn sittin elf ewro (€60,000), hekk kif sal-lum dan is-sussidju kien miftuħ biss għal min ikollu assi kapitali li l-valur tagħhom kien ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro (€25,000) jew inqas. Dan filwaqt li l-għotja massima li tingħata għal benefiċjarji ta’ din l-inizjattiva żdied għal ħamsa u għoxrin elf ewro (€25,000).

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes sostna li, “mhuwiex aċċettabbli għal ħadd li jgħix f’dar fejn hemm struttura perikoluża. Hi x’inhi l-qagħda finanzjarja, hu x’inhu t-titlu li għandek fil-proprjetà. Dan imiss direttament mad-diċenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuna.” Il-ministru kompla billi ddikjara li, “dan is-sussidju msaħħaħ għalhekk qiegħed jaċċerta li ħadd ma jgħix imbeżża’ f’daru.”

L-estensjoni tal-iskema ‘SSP’ se tgħin lil individwi u familji li jgħixu fi stokk ta’ akkomodazzjoni li l-maġġoranza tagħhom tkun inbniet fil-perjodu ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija u li sfaw żdingati minħabba diversi raġunijiet, fosthom li l-piż finanzjarju u legali kellu dejjem jinġabar mis-sidien tal-proprjetà li ma kinux qegħdin jirċievu kumpens xieraq qabel ir-riforma tal-2021. Issa li l-Awtorità tad-Djar qiegħda tqarreb it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema ma’ dawk ta’ skemi oħra li kisbu suċċess, bħalma hija l-Iskema għal Sussidju fuq Xogħlijiet ta’ Irranġar u Titjib f’Residenza Okkupati minn Sidien jew Inkwilini (magħrufa bħala l-‘ADP’), aktar sidien u inkwilini se jkunu jistgħu jirċievu għajnuna sostanzjali mill-gvern biex ikunu jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-baġit totali li ġie allokat għal din l-iskema tela’ għal kwart ta’ miljun ewro kif imħabbar fid-diskors tal-baġit tal-11 ta’ Ottubru li għadda. Din għalhekk hija t-tielet miżura tal-baġit li tikkonċerna l-akkomodazzjoni li qiegħda titħabbar fix-xahar ta’ Jannar mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali wara l-estensjoni tal-iskema tal-Equity Sharing u t-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta.  

Il-Ministru Roderick Galdes għalaq billi qal li, “Bir-riforma li wettaqna s-sena l-oħra ridna nilħqu bilanċ, fl-interessi kemm tal-inkwilini kif ukoll tas-sidien. Għidna wkoll li r-riforma ma kinitx biss il-bidliet fil-liġi, u hawn qegħdin indaħħlu fis-seħħ l-ewwel miżura li se tifdi bżonn importanti f’dan is-settur u li f’qasir żmien se tkun segwita b’aktar inċentivi għas-sidien u l-inkwilini involuti fis-suq tal-kirjiet ikkontrollati”.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar is-Sur Leonid McKay stqarr li ma kienx jagħmel sens li kieku r-riforma li daħlet f’Ġunju tat kirja ġusta lis-sidien u fl-istess ħin ħaditha lura min-naħa l-oħra billi talbet lis-sidien jagħmlu x-xogħlijiet strutturali fid-djar tal-inkwilin. Huwa qal dan waqt li spjega l-ħidma li qed twettaq l-Awtorità tad-Djar fis-settur tal-kirjiet protetti u tenna li llum qed nimxu pass ieħor f’din ir-riforma. “Tkellimna aktar fuq kemm għandha tkun il-kirja, l-inġustizzja tal-wirt, il-proċess tal-Qorti u dwar kemm għandha tkun il-kirja ġusta, però ftit tkellimna dwar il-periklu li kienu qed jgħixu fih l-inkwilini minħabba strutturi perikolużi u x’għandu jsir biex nevitaw dan”, qal is-Sur McKay.

Ekonomija

Sport