Tuesday, May 14, 2024

Gudja United jirbħu konfront dirett kontra Santa Lucia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sta Lucia ……….0

Gudja Utd ………1

F’konfront dirett li jirrigwardja n-naħa t’isfel tal-klassifika, Gudja United għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-0 biex inqalgħu miż-żona  tar-relegazzjoni u ħallew lill-istess Luċjani fil-periklu flimkien ma’ Mosta u Sliema Wanderers.

Kienu Santa Lucia li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta Vito Plut kellu xutt tajjeb salvat mill-goalkeeper Glenn Zammit.

Huma komplew jattakkaw u żewġ minuti biss wara xutt ta’ Jamie Zerafa għadda għoli.

Gudja wieġbu fil-21 minuta meta free-kick insidjuż ta’ Ahinga Selemani ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper de­buttant, Justin Haber, biex mir-rebound Tensior Gusman tefa’ barra.

Fl-24 minuta, Santa Lucia reġgħu ħolqu l-periklu meta Vito Plut kellu daqqa ta’ ras mill-viċin salvata minn Haber bid-difiża tal-Gudjani tikklerja l-ballun.

Man-nofs siegħa logħob, xutt minn taħt il-lasta ta’ Vito Plut intemm ftit barra.

Fit-42 minuta, Aidan Jake Friggieri, li kien żmarkat għal kollox, falla ċans mill-aqwa li jiftaħ l-iskor għall-Gudjani meta kellu x-xutt tiegħu kważi minn fuq il-penalty spot jintemm inkredibbilment għoli.

Iżda żewġ minuti biss wara l-istess AIDAN JAKE FRIGGIERI patta għall-iżball li wettaq ftit qabel meta kien fil-post opportun u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.

Eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima Santa Lucia kellhom ċans tad-deheb li jagħmlu l-iskor indaqs iżda minn taħt il-lasti Jamie Zerafa falla t-tentattiv tiegħu.

Fit-tieni taqsima, il-Gudjani ħarġu aktar aggressivi u proprju fit-52 minuta meritatament irduppjaw meta  Selemani għadda lejn AIDAN JAKE FRIGGIERI li approfitta minn ħarġa erratika ta’ Haber u b’xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fix-xibka  … għal doppjetta personali.

Huma komplew jippressaw u ma kienet l-ebda sorpriża li żiedu l-iskor meta  Llywelyn Cremona għadda lejn TENSIOR GUSMAN li b’daqqa ta’ ras mill-viċin ma ta l-ebda ċans lil Haber isalva.

Bil-partita mirbuħa u mitlufa, kompla d-dominju ta’ Gudja u fil-65 minuta, minn pożizzjoni ferm ideali Matias Muchardi ra lil Haber idawwar f’corner bi bravura.

Sa tmiem il-partita, Gudja qagħdu jamministraw fejn ma ġiet reġistrata l-ebda azzjoni denja ta’ nota biex b’hekk kisbu r-raba’ rebħa tal-istaġun.

STA LUCIA:  16-Justin Haber, 4-André Prates, 5-Jurgen Pisani, 6-Nicholas Pulis, 8-Patrick Silva Mota (98-Kieran Xuereb 64), 9-Vito Plut, 10-Alan da Silva Souza, 11-Meghon Davidy Valpoort (30-Brady Agius 77), 14-Jan Tanti (27-Andreas Vella 64), 22-Jamie Zerafa (24-Liam McKay 64), 23-Dexter Xuereb (88-Emerson Camilleri 82)   – Coach: Oliver Spiteri

GUDJA U.: 1-Glenn Zammit, 5-Matias Muchardi, 7-Aidan Jake Friggieri (18-Kyle Gatt 90), 8-Rodolfo Soares, 9-Tensior Gusman, 10-Llywelyn Cremona (3-Tatsuro Nagamatsu 90), 17-Gabriel Mensah (22-Hubert Vella 86), 19-Ahinga Selemani (20-Nika Dzalamidze 76), 23-Neil Tabone (81-Neil Micallef 86), 25-Juan Bolanos Ramires, 99-Marcelo Dias  – Coach: Thane Micallef

REFEREE: Ishmael Barbara

ASS. REFEREES: Roberto Vella, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Darryl Agius

SKORERS: A. J. Friggieri 44, 52, T. Gusman 56 (GU)

AMMONITI: Ħadd

Sport