Sunday, November 24, 2024

Jissoktaw l-irvellijiet vjolenti fir-Renju Unit … il-gvern joħloq aktar ċelel fil-ħabsijiet

Aqra wkoll

L-irvellijiet vjolenti ta’ bħalissa madwar ir-Renju Unit komplew tant li ġew arrestati aktar minn 400 persuni. F’din is-sitwazzjoni, il-gvern kien kostrett li joħloq aktar minn 500 ċelel ġodda fil-ħabsijiet biex ikun hemm fejn jinżammu dawk akkużati bi vjolenza. Il-ħabsijiet fir-Renju Unit kienu diġa ffullati qabel ma bdew l-irvellijiet.

Id-diżordni vjolenti fl-ibliet bdiet nhar it-Tlieta li għadda, l-għada li tliet tfajliet inqatlu b’daqqiet ta’ sikkina waqt lezzjoni taż-żfin f’Southport. L-irvellijiet tqanqlu taħt  pretensjonijiet foloz fuq il-midja soċjali fejn ingħad li l-aggressur kien wasal fir-Renju Unit illegalment. 

It-tliet tfajliet, Bebe King ta’ sitt snin, Elsie Dot Stancombe ta’ seba’ u Alice Dasilva Aguiar ta’ disa’ snin inqatlu filwaqt li ħames oħra indarbu u jinsabu f’qagħda kritika, b’żewġ adulti wkoll isofru ġrieħi kritiċi.

Uffiċjali tal-pulizija armati arrestaw żgħażugħ u elevaw sikkina li aktarx intużat waqt l-aggressjoni, bil-pulizija idntifikat liż-żagħżugħ ta’ 17-il sena bl-isem ta’ Axel Muganwa Rudakubana. Aktar tard huwa ġie mixli bi tliet akkużi ta’ qtil, 10 ta’ attentat ta’ qtil u akkuża li kellu fil-pussess tiegħu oġġetti li jaqta u bil-ponta.

L-avveniment taż-żfin kien qed isir fl-istudjo Hart Space, bejn wieħed u ieħor mil fil-lvant taċ-ċentru ta’ Southport. Il-klabb tal-vaganzi kien irreklamat li jinkludi workshop ta’ żfin u yoga u kien immirat għat-tfal tas-Sitt Sena tal-iskola primarja. 

Minn wara li seħħ l-attakk, kien hemm diżordni u protesti kontra l-immigrazzjoni fir-Renju Unit, parzjalment imħeġġa minn stqarrijiet foloz li s-suspettat kien refuġjat li wasal fir-Renju Unit bid-dgħajsa fl-2023.

Il-Ministru tal-Ġstizzja Heidi Alexander, filwaqt li qalet li qed jinħolqu postijiet addizzjonali ta’ ħabs biex jittrattaw in-numru ta’ arresti li saru fil-ġimgħa li għaddiet, qalet ukoll li kull min jingħata sentenza ta’ kustodja se jkollu post fil-ħabs jistennieh.

Wara l-irvellijiet vjolenti li laqtu diversi bliet, il-gvern qed iħares ukoll lejn jekk il-qrati tal-maġistrati jistgħux jestendu l-ħinijiet biex ilaħħqu mal-każi tal-arresti u biex iġib is-sotwazzjoni taħt kontroll malajr kemm jista’ jkun. 

Xi wħud minn dawk arrestati bdew jidhru quddiem imħallfin fir-Renju Unit nhar it-Tnejn li għadda.

Madankollu, filgħaxija kien hemm aktar inkwiet f’partijiet tar-Renju Unit, bil-pulizija jiġu attakkati f’Belfast, Darlington u Plymouth F’Birmingham diversi vetturi ġarrbu ħsarat u bosta minnhom ingħataw in-nar.

F’Belfast l-Irlanda, l-uffiċjali kontra l-irvellijiet ġew issustati b’ġebel u bombi tal-petrol, filwaqt li saru sitt arresti fi Plymouth.

Sport