Friday, April 26, 2024

“Jista’ jkollna ħafna każi fit-triq u ma nafux bihom”

Aqra wkoll

It-tabib Joseph Ferriggi f’intervista ma’ Inewsmalta jisħaq li l-ġimagħtejn li ġejjin huma kruċjali kontra t-tixrid tal-Coronavirus… Jissuġġerixxi lockdown parzjali fil-weekends u l-festi

Minn CARMEN CACHIA

L-appell huwa ċar, oqogħdu ġewwa! Din hija t-talba tat-tabib Joseph Ferriggi li saħaq fl-importanza li nimxu mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u noqogħdu fi djarna biex nevitaw it-tixrid tal-Coronavirus. Dan għas-sempliċi raġuni li bħala professjonist fil-qasam tas-saħħa għal kważi 40 sena, jaf li l-kbir għadu ġej. L-ewwel każi ta’ infezzjonijiet li daħlu f’pajjiżna bil-Covid-19 kienu impurtati, iżda issa għandna t-trasmissjoni lokali. Dr Ferriggi  qal lil Inewsmalta li jista’ jkollna ħafna każi ta’ nies infettati fit-triq fejn, mingħajr ma jafu, qegħdin imardu ħafna nies, inklużi dawk vulnerabbli. 

“Li ġej, ġej żgur. Il-kbir għadu ġej, kif u kemm se jkun jiddispjaċina, imma ma nafux.” Dan huwa l-kliem ta’ professjonist fil-qasam tas-saħħa lokali li flimkien mal-kollegi tiegħu, għandhom tħassib serju fil-periklu li nidħlu fih jekk il-Coronavirus jinxtered f’daqqa f’Malta. 

Dan it-tabib Malti qal li minkejja l-sforzi kollha, xorta huma beżgħana li jiġuhom ħafna pazjenti f’daqqa u l-unika mezz biex jevitaw il-curve huwa li jkun hemm ftit każi kuljum. Din is-sitwazzjoni hija ta’ stress kbir għall-ħaddiema kollha fis-settur mediku, b’mod speċjali għax pajjiżna huwa żgħir ħafna, iżda ffulati u huwa dan, li skont Dr Ferriggi, li n-nies iridu jifhmu.

Lockdown fil-weekends u l-festi

Il-professjonist qal li huma qegħdin jindunaw li l-poplu, avolja mhux kollu, jista’ jkisser kollox jekk se jibqa’ jwebbes rasu u joħroġ barra. “Il-miżuri ġodda li ħabbar il-Gvern huma tajbin imma kwart tal-poplu huwa rresponsabbli. Il-punt huwa… x’marru jagħmlu n-nies Għawdex? Mhux biss, kien hemm min mar Ħad Dingli, Ħal Far u postijiet oħra. 

Huwa proprju għalhekk li nissuġġerixxi li jsir partial lockdown barra l-ħinijiet tax-xogħol u dan ikun fis-seħħ mill-Ġimgħa filgħaxija sat-Tnejn filgħodu. Dan jinkludi anke l-festi pubbliċi għax meta n-nies jaraw temp sabiħ mill-ewwel tarahom idabbru ‘l barra,” kompla Dr Ferriggi. 

Din hija gwerra li fil-verità m’għandniex l-armi meħtieġa kontriha

Fl-opinjoni tiegħu din il-miżura hija importantissima u b’dan il-mod, mhux se tiġġamja pajjiż. “Jekk mhux se jisimgħu bit-tajjeb, jisimgħu b’dan il-mod. Għax jekk ma nagħmux hekk, se jkollna problemi kbar ħafna. Meta tiġi, se tiġi. Aħna qegħdin nissoponu u nagħmlu mill-aħjar minn kull livell, imma jekk niġu fl-inkwiet se nagħmlu? Ebda pajjiż m’huwa ppreparat għaliha. Din mhix kwistjoni li naqas il-Gvern. Il-pajjiżi kollha jinsabu fl-istess sitwazzjoni u l-uniku mod li nevitaw diżastru bħalma ġara fl-Italja u anke fi Spanja, huwa li nevitaw it-tixrid tal-virus u li jkollna ħafna każi f’daqqa.” 

It-tabib fakkar li Malta, bħall-Italja għandha popolazzjoni anzjana u dan il-virus jattakka l-aktar lilhom. Wieħed irid iżomm f’moħħu l-perikli li l-persuni vulnerabbli jridu jiffaċċjaw jekk ikun hemm min huwa rresponsabbli u jmarrad lil ħaddieħor għax sempliċiment jiddejjaq ġewwa. 

Se nispiċċaw f’baħar ta’ nkwiet

Il-każijiet f’Malta tal-Covid-19 issa telgħu għal kważi 200, b’mill-inqas persuna f’qagħda kritika. Li noħorġu niġġerrew barra u ma nieħdux bis-serjetà t-theddida ta’ dan il-virus qattiel, minkejja l-appelli u l-miżuri kollha meħuda mill-awtoritajiet, se jitfugħna b’baħar ta’ nkwiet b’konsegwenza li npoġġu f’periklu serju ħajjet ħafna nies, speċjalment ta’ dawk vulnerabbli.

Ma nistgħu nagħmlu xejn jekk ma jkollniex il-koperazzjoni tan-nies

Fit-Tramuntana tal-Italja seħħ dak li huwa deskritt bħala “telfa ta’ ġenerazzjoni sħiħa” għax il-postijiet milquta bl-akbar ammont ta’ fatalitajiet kellhom popolazzjoni anzjana. F’Malta l-Gvern ħa diversi miżuri, fosthom prekawzjonijiet u limitazzjonijiet fid-djar tal-anzjani, iżda minkejja l-appelli, xorta waħda għadhom isiru l-picnics u tara gruppi ta’ nies jippassiġġaw u jillajmaw fit-toroq. U dan qisu xejn m’hu xejn!

Dan l-aġir irresponsabbli huwa r-raġuni li wassal biex t-tabib Ferrigi jwissi lill-poplu mill-periklu li nistgħu nidħlu fih jekk ma nitgħallmux nimxu ma’ dak li l-esperti tas-saħħa ilhom iħanqbu fuqu – “ibqgħu ġewwa”.

F’żewġ artikli li kiteb fil-midja soċjali, Dr Joseph Ferrigi pprova jilħaq u jeduka lill-poplu bi kliem sempliċi dwar x’inhu jiġri u għala l-Covid-19 huwa daqshekk perikoluż. Minħabba li dan huwa virus ġdid, is-settur mediku ftit li xejn jaf dwaru. Barra minnhekk il-Coronavirus huwa perikluż minħabba li jinfirex daqs tazz’ilma u wissa li l-apparat għat-trattament meħtieġ huwa limitat jekk ikun hemm tifqigħa mingħajr kontroll.

“L-edukazzjoni hija l-għajn ta’  kull ġid,” sostna t-tabib. Bl-interventi tiegħu huwa qiegħed jipprova jeduka u jfiehem lill-poplu li dan iż-żmien mhuwiex żmien taċ-ċajt għax “din hija gwerra li fil-verità m’għandniex l-armi meħtieġa kontriha”.

Huwa spjega li proprju għalhekk l-awtoritajiet tas-saħħa lokali qegħdin jipprovaw jevitaw it-“tzunami” tal-każi għax inkella s-sistema tas-saħħa ma tlaħħaqx tgħin lill-morda kollha li jista’ jkollna bil-Coronavirus. Dr Ferriggi qal li l-ventilators huma neċessarji biex tkun salvata ħajja u għalhekk importanti li ma jkunx hemm ħafna każi f’daqqa. 

“Dan ikun ifisser kollass tas-sistema li twassal għal ħerba bħalma ġralhom sfortunatament it-Taljani. M’għandhomx postijiet u apparat biżżejjed u qiegħed ikollhom l-imwiet bla ma jistgħu jagħtu l-għajnuna. Għalhekk l-awtoritajiet tas-saħħa tagħna qegħdin jgħidulna biex nagħmlu s-social distancing u noqogħdu ġewwa, għax dan huwa l-uniku mod li nevitaw dan id-diżastru,” spjega l-professjonist.

Il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jinsabu fil-frontline fil-ġlieda kontra dan l-għadu fantażma

Dr Ferriggi wissa li jekk ma nagħmlux hekk, se jiddispjaċina. Huwa qal li l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jinsabu fil-frontline fil-ġlieda kontra dan l-għadu fantażma. Dan qegħdin jagħmluh għall-ġid ta’ kull wieħed u waħda minnha. Wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn il-ħaddiema, flimkien mal-familji tagħhom, qegħdin jidħlu f’riskji kbar biex jipproteġuna.

“Tardare si, scappare no”

Bl-ewwel intervent tiegħu biex jilħaq il-poplu permezz tal-midja soċjali, Dr Ferriggi laħaq aktar minn 3,000 likes u shares. Wara dan ir-rispons qawwi huwa reġa’ rrikorra għas-sensibbiltà u l-maturità tal-poplu fejn kompla jsostni l-punt tiegħu biex ħadd ma joħroġ mid-dar.

Huwa saħaq li l-ġimagħtejn li ġejjin huma kruċjali fil-ġlieda tagħna kontra l-Coronavirus u biex ma noqogħdux inserrħu moħħna li kollox taħt kontroll għax dan kollu, il-każi ġodda huma rrapportati ftit. “Ir-realtà m’hi xejn minn dan,” saħaq it-tabib Ferriggi fejn spjega li, “ir-riżultat s’issa indika biss li l-miżuri biex nevitaw it-tzunami li semma’ l-Gvern. Il-bqija, b’responsabbiltà ngħidilkom li l-ġlieda tagħna għadha, kif jgħidu t-Taljan… tardare si, scappare no… nipposponu iva, iżda nevitawha kompletament le. Il-kbir għadu ġej!”

Dan it-tabib Malti qal li huwa proprju dan il-perjodu tal-ġimagħtejn li deħlin fihom issa li huwa importanti li nieħdu l-prekawzjonijiet kollha għax, fl-opinjoni tiegħu, se nweġġgħu żgur… imma b’kemm ma nafux. Huwa sostna li dan jiddependi mill-aġir tagħna bħala poplu aktar milli min-naħa tal-awtoritajiet. 

“Ma nistgħu nagħmlu xejn jekk ma jkollniex il-koperazzjoni tan-nies. Aħna se nagħmlu minn kollox, imma ma nistgħux nirbħu mingħajrkom,” appella Dr Ferriggi. Huwa inkoraġġixxa biex kulħadd jingħaqad u jiġbed ħabel wieħed billi nkunu responsabbli u nagħtu l-parti tagħna billi nisimgħu mill-awtoritajiet. 

Sport