Saturday, December 21, 2024

“Jista’ jkun hemm raġuni akbar għaliex m’għandniex nibżgħu mill-barrani”

Jgħid dan l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ dwar pittura ta’ immigrant maqtul fil-Bażilika

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ħaduna s-suwed”. “X’jimpurtana li ġej ċiklun u hemm dgħajsa b’minuri f’nofs ta’ baħar”. “Mhux huma rriskjaw ħajjithom billi qabdu d-dgħajsa, problema tagħhom”. “Daqt jikluna”. “Erbat ijiem oħra, huma jmexxu u aħna barra”. “Xkupawhom ‘il barra għax qażżuna”.  “Mimlijin. Full up. Itfgħuhom lura lejn il-Libja”.

Dawn huma kummenti li kontinwament jingħaddu fil-konfront ta’ immigranti Afrikani, b’mod partikolari meta jsiru salvataġġi minn għaqdiet umunitarji. Kummenti li spiss jimmanifestaw ruħhom f’rapporti lill-Pulizija jekk f’xi triq ifeġġu xi ftit immigranti li jkunu krew xi post bejniethom u mill-ewwel jinħoloq allarm fost dawk li jgħixu fil-qrib. Oħrajn jilmentaw għax jarawhom marru għal xi servizz fl-isptar. Hemm min jilmenta għax jarahom jixtru mill-ħwienet. Hemm imbagħad hemm l-oħrajn li jitilqu minn post hemm kif jaraw xi iswed qrib. “Mela dak taf x’mard ikollu?”. Oħrajn jagħmluha tal-bulijiet u malajr jikkonfontaw xi iswed għal kull ħaġa ta’ xejn, bħal jidħol f’ħanut biex jixtri l-bżonnijiet tiegħu biss.  U jekk tkun f’xi post ma nies oħra u tonqos xi ħaġa, l-ewwel swaba jippontaw lejn l-Iswed, allavolja wara jinstab li ma kienx hu. Dawn huma esperjenzi li rajna Afrikani jgħaddu minnhom u esperjenzajnihom ukoll. 

Quddiem dan segwejna dak li kien għaddej fil-Bażilika ta’ San Ġorg fir-Rabat Għawdex. Knisja magħrufa għal opri artistiċi tagħha, iżda proprju tlett xhur ilu inkixfet pittura li fiha kuntrarju għal dak li tara fil-knejjes, f’din il-pittura m’hemm l-ebda qaddis. Fiha hemm l-immaġini ta’ immigrant Afrikan, li kien inqatel kiesaħ u biered f’Birżebbuġa, għax kien barrani. Kien hemm min stenna reazzjoni negattiva għal din il-pittura, iżda ma ġarax hekk. Il-parruċċani, laqgħu din il-pittura b’idejhom miftuħin. Anzi, l-istess parruċċani jħossuhom kburin, li f’din il-Bażilika saret dik il-pittura.

“Realtà ta’ llum”, qalilna wieħed mill-parrruċċani. “Se nibqgħu naħbu dawn ir-realtajiet. Dawn nies ukoll. Wieħed minn dawk li Kristu kien jgħidilhom imwarrbin”, qalilna wieħed mill-parruċċani.

Stħarriġna dwar dan u tkelimna mal-Arċipriet biex naraw xi preparazzjoni saret b’rabta ma’ din il-pittura u biex il-messaġġ jintlaqa’ min-nies.

L-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, Fr. Joseph D. Curmi jgħidilna li “Ilna li bdejnieha din l-idea mis-sena 2019. Fiha bdejna nuru l-idea ta’ Kristu moħbi fil-fqir illum. Fil-ġudizzju tal-aħħar Ġesù qalilna li ‘jien il-barrani. Jien dak bil-ġuħ. B’dan f’moħħna bdejna biex nagħmlu ftit proġetti marbutin ma’ dan. Wieħed mill-proġetti hi l-pittura ta’ Lassana Cisse. Din ħolqot interess għax barrani. Hi simbolika għax barrani. Inqatel għax barrani. Hi kwistjoni li Ġesù inħeba taħtHom għalhekk f’dan il-każ il-barrani hu bid-diadema. F’kull pittura hemm l-immaġini tas-soċjetà u tal-Knisja. Irridu inżommu f’rasna li Kristu jsejjħilna u jfakkarna fi-preżent”, qalilna l-Arċipriet, Fr Joseph D. Curmi.

Ma stajniex ma nistaqsux dwar ir-reazzjoni tan-nies. Talk.mt ilu jsegwi l-mod ta’ x’reazzjoni kien qed ikun hemm mill-parruċċani. Filfatt deher biċ-ċar, li n-nies laqgħu din l-inizjattiva, li ssir pittura għal Cisse b’idejhom miftuħin beraħ. 

Mistoqsi dwar dan l-Arċipriet jisħaq li “ħdimna ħafna man-nies tal-parroċċa.  In-nies bil-mod il-mod bdew jifhmu l-kunċett. Fil-festa  ta’ San Ġorġ matul is-sajf, għamilna l-inawgurazzjoni ta’ erba’ minn tminn pitturi.  Aħna m’għaniex hawn biex ngħidu li mhux difficli biex tilqa’ lill-barrani. Mhux ngħidu li mhux diffiċli biex tieħu ħsieb l-ambjent. Mhux ngħidu li mhux diffiċli biex tieħu ħsieb dawn il-persuni. Mela le diffiċli. Kieku mhux diffiċli m’hemmx għalfejn nenfasizzawhom”, saħaq l-Arċipriet Curmi ma’ dan is-sit.

Jenfasizza li “n-nies laqgħuha din il-pittura u dan  b’mod partikolari minħabba inizjattiva ta’ informazzjoni u edukazzjoni. Ħadna l-inkarigu li nagħmlu inizjattivi ta ‘edukazzjoni dwar l-immigrazzjoni. Din saret fir-Randan minn diversi professjonisti.  Din mhux pittura dwar l-immigranti u kollox jieqaf hemm. Din hi pittura li meta taraha, taħseb f’dak li qed jiġri madwarna, fl-esperjenzi veri li jgħaddu minnhom dawn in-nies”.  

L-Arċipriet jisħaq li “qed nitrattaw it-tema tal-ġuħ. Min hu bi-ġuħ u fit-tbatija mhux biss ta’ min m’għandux x’jiekol imma anke tbatija ta’ nies li jbatu minn allerġiji jew ma jistħux  jieklu minħabba anoressija jew bulimja.”

L-arti trid tkun fi żmienha…tlabna l-permess tal-familja

Normalment fi knejjes naraw il-koppli, il-lunetti jew l-artali li l-pitturi tagħhom ikunu jirrappreżentaw il-qaddisin jew immaġini tal-Ħallieq.  Dan iqajjem il-punt dwar l-arti fiż-żmien ta’ llum, u l-messaġġ li tista’ twassilna l-Knisja Kattolika perrmezz tal-arti. 

L-Arċipriet jgħidilna li “qabel iddeċidejna li ssir din il-pitturra, ġibna l-permessi meħtieġa. Anke tlabna permess lill-familja. Wieħed ma jridx jieqaf mal-figura li turi l-pittura.  L-arti trid tkun fi żmienha.  Ma nistgħux nagħmlu arti għas-sena 2020 li tkun ta’ 500 sena ilu.  Il-figura trid tkellem u trid turi il-bniedem ta’ llum. Jekk din il-pittura qed toħloq diskussjoni jew ansjetà tfisser li l-arti qed titkellem.  Issa iridu naraw il-Mulej xi jrid jgħidilna bihom. Irrid nibqgħu b’widnejna miffuħin għax anki jien ma nafx xi jrid iwasslina.”

Nitkellmu miegħu dwar kif kien hemm min inħasad u ma stenniex dan. Hemm oħrajn inċerti, jekk f’dak il-post kellu ikun hemm qaddis minn dawk li mdorrijin naraw, jew persuna li għexet fi żmienna. Fr Joseph D Curmi jgħidina li “nixtieq nisma’ x’għandhom xi jgħidu dawk li  qed jgħidu li ma  missniex għamilnieh hemm. Sabiħ li tisma’ x’inhi l-biża’. Ngħiduha kif inhi għax għandna raġun nibżgħu minn dak li hu differenti jew barrani. Imma jista’ jkun hemm raġuni akbar għalfejn m’għandniex nibżgħu. Iva iridu nindirizzaw il-biża’ tas-soċjetà” jisħaq l-Arċipriet. 

Il-messaġġ tal-parroċċa ta’ San Ġorġ

Il-parroċċa ta’ San Ġorg f’Għawdex għandha messaġġ xi twasslina.  Tikkummenta b’mod ċar li “meta tiġri xi ħaġa kbira u makabra ikun hemm ġirja sfrenata biex jinstab xi ħadd ħati. U hekk nserrħu rasna li l-mostru nqabad. Iżda ninsew ukoll li aħna kollha kompliċi. Aħna parti minn soċjetà li ilha li għalqet għajnejha għall-fqir u l-barrani. 

Ingergru għas-“suwed” u għall-barranin iżda nafu li dawn huma is-sinsla tax-xogħol manwali f’pajjiżna. U ħafna minnhom ma jistax ikollhom ktieb tax-xogħol. Allura ninqdew bihom u narmuhom, bla ebda dritt ta’ assistenza medika u kull dritt ieħor uman. Dawn ma jiswew għal ħadd u jekk jmutu ħadd ma jitlob ġustizzja għalihom. “Ħaqqhom, min qalilhom jiġu hawn”. Dak li ġara lil dan il-povru (Lassana Cisse) ilu jiġri snin lil povri oħra. U filwaqt li hawn kuntratturi bla qalb, hawn kuntratturi li għalkemm jixtiequ jħaddmuhom skont ir-regola, ma jistgħux. U għandhom bżonnhom għax ħaddiema Maltin għal ċertu xogħol ma jsibux. 

“Din ir-realtà kollha imbagħad tiġġenera l-bżonn ta’ pagi inġusti u mhux iddikjarati, ħasil ta’ flus, kirjiet illegali, ħaddiema li ilhom snin twal ma jaraw lill-familja tagħhom għax jekk joħorġu ma jidħlux, frustrazzjoni u kull tip ta’ abbuż ieħor. Wasal iż-żmien li pajjiżna, jiġifieri aħna, nieħdu r-responsabbiltà.  Il-ġudizzju t’Alla ċar: Jien bil-ġuħ, bil-għatx, għeri, barrani… U int?”, jgħid il-kumment tal-parroċċa.

Ekonomija

Sport