Thursday, March 28, 2024

POPULIŻMI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-populiżmu sar l-aktar linja politika li nisimgħu denunzji tagħha. Ħadd ma jrid ikun populist fost firxa wiesgħa ta’ politiċi mil-lemin ċentru, ċentru lemin sa xellug xellug. Hu mitqies bħala prattika li tinqeda b’formoli faċli ta’ kif tgħid l-affarijiet u tippreżenta l-problemi b’mod li ċ-ċittadini jsibu f’li jintqal u li jsir konferma tal-preġudizzji tagħhom. 

Is-soluzzjonjiet mogħtija mill-populiżmu jinkoraġġixxu l-għeluq tas-soċjetà u l-egoiżmu nazzjonali lil hinn minn dak li jitqies raġonevoli. L-aqwa hu li n-nies temmen li l-biżgħat tagħha qed jingħataw attenzjoni sħiħa. Minn dan, faċli jqumu tensjonijiet u konfronti iebsa fi ħdan il-ġnus u bejniethom.

Biss meta tirrifletti, tinduna li ta’ spiss, elementi mill-populiżmu saru jużawhom il-forzi politiċi kollha, inklużi dawk li l-aktar jitqiesu bħala progressivi.

Fl-aħħar xhur, f’kuntesti differenti minn dawk fejn l-istili jkunu populisti għall-aħħar, smajt interventi ta’ “natura” populista imma mil-lat progressiv, dwar oqsma bħall-ħarsien tal-ambjent, l-immigrazzjoni u t-tmexxija politika fost oħrajn.  Intlaqgħu tajjeb.

***

RETORIKA POLITIKA

Għall-ġimgħat li ġejjin, nistennew li r-retorika politika tippredomina. Se jispikkaw il-kritika severa ta’ dan jew ta’ dak, u l-proklamazzjonijiet bil-wegħdi għal futur aħjar, jekk mhux il-prezent. Hi ħaġa inevitabbli li jiġri hekk.

Mill-forom kollha ta’ diskors, ir-retorika politika l-aktar li tinsab fil-periklu li tiżvaluta lilha nnifisha. Dik reliġjuża li wieħed jissuspetta li tista’ wkoll tbati minn hekk, għandha madankollu limiti għal kemm tista’ tesaġera, marbuta mad-dommi tat-twemmin u tar-rispett lejn il-ġerarkiji. Ukoll ma tintużax… jew rari… f’qafas fejn għandek konfront bejn żewġ avversarji akkaniti, anke jekk fiha x-xitan, ismu miegħu, jiġi demonizzat.

Problema bir-retorika politika hi li tant tistrieh fuq stampa estrema u karikaturali tar-realtajiet li tbattal għal kollox il-messaġġ li qed twassal minn kull kontenut li jagħmel sens.

Fil-kampanja elettorali li riesqa, naraw jekk aħniex se naslu sa dal-punt jew le.

***

MILIED

It-tħejjijiet għall-Milied bdew. Mill-lat tan-negozjanti imma x’aktarx qabilhom, tat-tfal. Kulħadd qed jittama li s-sikkaturi tal-aħħar Milied – marsus mill-pandemija – mhux se jirrepetu ruħhom.

Bil-faċilità għall-bejgħ u x-xiri li jagħti l-internet, jiġri x’jiġri l-għoti ta’ rigali jista jibqa’ għaddej għal ħafna bla wisq problemi. Li għandhom imorru aħjar dis-sena hu l-kummerċ li jsir mill-ħwienet “wiċċ imb’wiċċ” – qisha din xi ħaġa li m’għadhiex aktar naturali – u l-laqgħat tal-familji. Tiskanta kemm tiltaqa’ ma’ nies li għadhom igergru dwar dak iż-żmien meta dawn l-attivitajiet kienu waqfu għal kollox.

It-tir li jerġa’ jkollna Milied normali għandu jagħti imbuttatura biex il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa ħalli l-Covid tkompli titrażżan jiġu osservati bla tnikkir. 

Ekonomija

Sport