Id-djar ta’ edizzjoni Maltin għandhom raġun iħossu li mqabbla ma’ oqsma oħra tal-produzzjoni kulturali f’pajjiżna, mhumiex jingħataw it-trattament li jixirqilhom. Taħseb x’taħseb dwar kif imexxu l-intrapriżi tagħhom, fil-qasam tal-ktieb u tal-letteratura huma għamlu u għadhom jagħmlu xogħol essenzjali. Ikopri elementi li jorbtu bl-aktar mod profond mal-identità nazzjonali u artistika tal-pajjiż.
Fil-qasam tagħhom żewġ problemi baqgħu jikbru u jinfirxu sakemm qed jilħqu… forsi diġà laħqu… l-livell ta’ kriżi. Minn naħa, is-suq tagħhom baqa’ jiċkien… forsi mhux biss minħabba l-mod kif in-nies saret taqra minn fuq l-internet u mhux aktar mill-kotba. U min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-produzzjoni baqgħu jiżdiedu minn kull aspett – materja prima, spejjeż kurrenti…
Fuq dawn iż-żewġ fronti hemm bżonn ta’ azzjoni konkreta u kordinata mhux seminars. Fl-oqsma tal-arti viżiva u drammatika, fost oħrajn, qed tinstab formola effettiva għal kif l-istat iwieżen l-isforzi tal-artisti u tal-għaqdiet artistiċi. Mhux l-istess fil-qasam tal-ktieb li għal xi raġuni, baqa’ mifrud minn dak tal-arti.
***
IR-RECORD TAL-LABOUR
L-aqwa karta li l-Partit Laburista għandu x’jilgħab f’din l-elezzjoni hi l-kisbiet li wettaq kemm ilu fil-gvern. Anke jekk il-kritika ta’ xi wħud dwar xi twettaq tittieħed bħala korretta, jibqa’ fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu: Qatt mill-Indipendenza lil hawn, ma seħħ żmien daqshekk twil ta’ titjib ekonomiku u soċjali konsistenti. Dan ma seħħx fi żminijiet meta kollox fuq il-front internazzjonali kien kwiet u xemxi. Mingħajr teatrini u bi ħsieb strateġiku, seħħ meta kien – u għad – hemm inċertezzi qawwija…
Tibqa’ ħaġa ċara li fi żminijiet ta’ inċertezzi ġodda li riesqa, it-tmexxija tal-istat trid tkun f’idejn għaqlija u ta’ esperjenza. L-aqwa argument favurih li għandu l-Labour hu li wera u baqa’ juri kif għandu s-sens tat-tmexxija soda meħtieġa għall-futur.
***
BALIENA
Damu l-ġimgħat jipprovaw jaqilgħu lill-baliena Timmy mill-ilmijiet baxxi ’il ġewwa mill-kosta tal-Ġermanja fejn daħal u weħel. L-ewwel kienu inkarigati diversi organizzazzjonijiet statali u muniċipali li ma waslux. Imbagħad daħlet fondazzjoni privata li tellgħetu fuq baċir li jinġarr fl-ilma u rmonkatu ’l barra fil-baħar, fejn ħelsitu. Il-ferħ għax Timmy kien mar lura “d-dar” malajr inbidel f’niket. Mill-ibħra tan-nord, vapur irrapporta li l-katavru tal-baliena kien qed jitbandal mal-mewġ. Wara l-ġimgħat ta’ tensjoni u strapazz, il-baliena ma kienx baqagħlha saħħa tkompli tgħix ħielsa fl-ambjent tagħha.
Hemm xi tagħlima għall-Ġermanja u l-Ġermaniżi f’din l-istorja? Jew għal dawk kollha li mill-bogħod segwewha b’ansjetà? Jeżistu xi aspetti tal-ħajja tas-soċjetajiet u ċ-ċittadini tal-lum fl-Ewropa li jixbhu dak li ġarrab Timmy fl-aħħar ġimgħat ta’ ħajtu?

