Illum, 20 ta’ Awwissu tfakkar l-14-il anniversarju mill-mewt tal-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista l-Perit Dom MIntoff.
Għal ħafna l-Perit Mintoff hu “s-salvatur ta’ Malta” hekk kif taħt it-tmexxija tiegħu f’Malta bdew jingħataw drittijiet lill-ħaddiema u anke diversi servizzi soċjali. Hu jibqa’ mfakkar li għall-iżvilupp kbir li wettaq f’pajjiżna wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Aktar minn hekk, hu jibqa’ mfakkar għal Jum il-Ħelsien meta dakinhar l-Ingliżi kienu telqu minn pajjiżna darba għal dejjem u Malta ħadet it-tmexxija kompleta f’idejha. B’dan il-mod, il-Perit Mintoff seta’ beda jmexxi fid-direzzjoni li xtaqt u ħaseb li hija l-aktar ta’ ġid għall-pajjiżna. Jibqa’ mfakkar ukoll li kien hu li ħoloq ir-Repubblika ta’ Malta fejn anke ħatar lil Sir Anthony Mamo bħala l-ewwel President ta’ Malta.
Mintoff, li miet fl-20 ta’ Awwissu tal-2012 fl-għomor ta’ 96 sena, kien ingħata l-aħħar tislima minn eluf ta’ persuni meta tlett ijiem wara sar il-funeral statali.
Eluf ta’ persuni kienu nġabru fit-toroq ta’ Ħal Tarxien fen kien jgħix, imbagħad Bormla fejn hemm, belt li kienet ħafna għal qalbu, u anke l-Isla fejn ħadem u mexxa l-Partit Laburista għal diversi snin mill-Maċina.
Imwieled f’Bormla fis-6 ta’ Awwissu tal-1916, Mintoff studja, fost oħrajn, fl-Università ta’ Malta u dik t’Oxford, waqt li l-karriera politika tiegħu evolviet fi ħdan il-Partit Laburista li mexxieh bejn l-1949 u l-1984.
Mintoff serva bħala Prim Ministru f’żewġ perjodi differenti, dik bejn l-1955 u l-1958, meta Malta kienet għadha taħt il-ħakma kolonjali Britannika, u mill-1971 sal-1984, snin li fihom il-pajjiż għadda minn wħud mill-aktar bidliet determinanti fl-istorja tiegħu, partikolarment fejn sar Repubblika u wara kiseb il-Ħelsien sħiħ.
Il-wirt tiegħu, iżda, jibqa’ assoċjat ukoll mat-trasformazzjoni ekonomika u soċjali li għenu biex tinqata’ d-diskriminazzjoni klassista li kienet tiddomina sa dak iż-żmien u l-viżjoni determinanti kontra l-gwerer u favur il-paċi.
