“Victor kien raġel tassew kwiet u onest”

- Jingħata l-aħħar tislima Victor Attard... eks fotografu tal-Union Press

Aqra wkoll

Fil-Knisja ta’ San Publiju fil-Furjana, ilbieraħ ingħata l-aħħar tislima Victor Attard – eks fotografu tal-Union Press. Hu miet fl-età ta’ 82 sena. Bi knisja mimlija bil-familjari, u eks kollegi, Victor ingħata tislima xierqa hekk kif kien deskritt bħala “raġel tassew kwiet u onest”.

Diversi eks ħaddiema tal-Union Press li ħadmu ma’ Victor kitbu diversi messaġġi dwar dak li jiftakru meta kienu jaħdmu flimkien kemm il-Belt u aktar tard l-Istamperija l-Marsa.

“Fis-snin kollha li ħdimt miegħu qatt ma rajtu jirrabja… tkun xi tkun iċ-ċirkostanza…” Joseph Cutajar.

Min-naħa tiegħu, il-ġurnalist veteran John Pisani wkoll sellem lil Attard billi kiteb “Ħdimna flimkien. Meta konna nkunu flimkien fuq xi biċċa xogħol u ma kontx narah iżjed ħdejja, kont inserraħ rasi li Victor (jew kif konna nafuh – il-FACE) mar ifittex angolu li ħadd ma kien se jkollu ritratti bħal ma kien ikollu hu. Strieħ fis-sliem ħabib.”

Ray Attard, fotografu ieħor li ħadem ħafna mill-qrib ta’ Attard kiteb fuq il-midja soċjali li “jiddispjacini mmens li ħalliena ll-eks kollega Victor jew aħjar kif konna nsibuh bħala “l-Face”.

Karattru uniku li min jagħfu jaf x’qed ngħid…” filwaqt li jirreferi għar-ritratt “ikona” tal-EgyptAir.” 

Victor kien magħruf bħala bniedem li dejjem għamel xogħlu bil-galbu u b’reqqa ġurnalistika. Huwa qatt ma kien jgħid le u dejjem kien jiġbed ritratti b’rilevanza sħiħa għall-istorja jew ir-rapport tal-ġurnalista. 

Huwa se jibqa’ mfakkar mill-kollegi tiegħu fi ħdan il-kamra tal-aħbarijiet tal-Union Press għar-ritratt li kien ġibed tal-ajruplan tal-linja tal-ajru tal-EgyptAir, b’daħna kbira ħierġa minu wara li kien ġie attakkat minn commandos Eġizzjani waqt il-hijack tal-1985 fl-Ajruport ta’ Ħal Luqa. Dan ir-ritratt baqa’ ikona u li dakinhar tal-ġrajja kien ixxandar mad-dinja kollha. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport