Monday, December 9, 2024

Jitħabbar il-Festival Nazzjonali tal-Baned

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield ħabbru li għall-ewwel darba se jsir il-Festival Nazzjonali tal-Baned. Dan se jkun organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera u mill-Għaqda Nazzjonali tal-Baned.

Ġie spjegat li dan il-festival se jkun miftuħ għall-baned kollha f’Malta u f’Għawdex. B’kollox ser jintgħażlu erba’ baned sabiex, jekk is-sitwazzjoni tippermetti, itellgħu programm fil-Kottonera fit-tieni u fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju, iżda dan ser ikun suġġett għar-regolamenti tas-saħħa pubblika. Għaldaqstant il-festival jaf isir aktar tard matul din is-sena iżda l-baned iridu jħejju ruħhom u jdaħħlu kompożizzjonijiet ġodda. Is-Surmast Ray Sciberras se jkun id-direttur mużikali tal-festival.

Il-Ministru Herrera saħaq li inizjattiva bħal din tixpruna aktar entużjażmu u interess fil-baned Maltin li huma parti integrali mill-identità Maltija. Huwa fakkar li bħalissa għaddejja ħidma mid-Dipartiment tal-Kultura sabiex il-Festa Maltija tiġi ssenjalata fil-lista tal-wirt dinji kulturali intanġibbli taħt il-UNESCO.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal li din is-sena rridu nagħmluha s-sena tal-Kottonera u għalhekk f’għadd ta’ proġetti u inizjattivi komplessivament se jkunu investiti mal-20 miljun ewro. Il-Festival Nazzjonali tal-Baned huwa wieħed minn sensiela ta’ inizjattivi li se jkunu qed isiru. Is-soċjetajiet tal-baned huma fiċ-ċentru ta’ kull attività soċjali u kulturali f’Malta. L-għan hu li nagħtu pjattaforma nazzjonali lill-baned u spazju għal kompożizzjonijiet ġodda.

Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Baned, irringrazzja lill-Fondazzjoni Kottonera għaliex permezz ta’ din l-inizjattiva l-baned Maltin qed jingħataw pjattaforma nazzjonali sabiex jesebixxu t-talenti mużikali tal-mużiċisti Maltin u għaldaqstant iħarsu ’l quddiem sabiex jisimgħu l-kompożizzjonijiet oriġinali li se jiġu sottomessi.

Ekonomija

Sport