Monday, December 9, 2024

“Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn” – L-MUT tordna strajk ta’ jumejn

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President tal-MUT Marco Bonnici tard illejla ħabbar li wara laqgħa mal-Prim Ministru, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-awtoritajiet tas-saħħa kien hemm nuqqas ta’ qbil u b’hekk l-edukaturi tal-iskejjel primarji u sekondarji tal-iskejjel tal-istat għada u l-ġimgħa mhux se jirrapurtaw għax-xogħol.

Bonnici spjega li bħala union minħabba ċ-ċirkostanza li żviluppat fl-aħħar sigħat, b’żieda sostanzjali fil-każi pożittivi u indikazzjonijiet li dawk se jkomplu jaraw żieda, ressqu t-talba li l-lezzjonijiet fil-jumejn li ġejjin isiru kollha online. Minn hemm kellha ssir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni matul tmiem il-ġimgħa fejn kellhom ikomplu d-diskussjonijiet bejn il-partijiet involuti. Bonnici qal ukoll li bħala union tkellmu mas-settur indipendenti u dak tal-Knisja u li dawn aċċettaw li ma jiftħux il-bibien għall-ewwel jumejn.

Il-President tal-MUT żied jgħid li għalihom din hija diskriminazzjoni għax il-Prim Ministru qal b’mod ċar li mhux se jaċċetta li l-lezzjonijiet fl-iskejjel tal-istat isiru online u għalhekk jistenna li dawn jinfetħu b’mod normali. Huwa qal li din mhijiex xi ħaġa aċċettabbli u li jekk hemm ir-riskji dawn qegħdin hemm għal kulħadd u b’hekk m’għandux ikun hemm differenzi.

Bonnici tenna jgħid li dan ma jħalli l-ebda għażla lill-MUT biex jiddikjaraw tilwima industrijali u li għada u l-Ġimgħa l-edukaturi ma jirrapurtawx għax-xogħol. Huwa temm jgħid li dan qiegħed isir bi protesta għall-mod kif qed jiġu trattati bħala union u bħala professjonisti għax “ma nistgħux nibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn”.

Ekonomija

Sport