Il-Karnival tas-Sajf se jerġa’ lura fi tliet rħula mifruxin madwar Malta: Birżebbuġa, Buġibba u Marsaskala. Dan l-avveniment qed ikun organizzat minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi, u se jittella’ f’dawn il-lokalitajiet fi ġranet differenti bejn it-18 u l-20 ta’ Awwissu mit-8pm ’il quddiem.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li qal li l-Karnival tas-Sajf hu opportunità oħra biex l-artisti li jaħdmu fil-qasam tal-karnival jesebixxu t-talenti tagħhom lill-pubbliku u lit-turisti li jżuruna fil-ġranet sajfin.
“Il-Karnival tas-Sajf mhux biss huwa opportunità għan-nies li jgħixu f’Malta biex jesperjenzaw il-kuluri, il-karrijiet u ż-żfin li jġib miegħu l-Karnival ta’ Malta fuq skala iżgħar, imma wkoll huwa mezz li bih nistgħu nxerrdu l-għarfien dwar il-karnival bħala tip ta’ artiġjanat artisiku,” qal il-Ministru Bonnici.
“Ta’ kull sena, il-Karnival ta’ Malta li norganizzaw fi Frar jirnexxilu jattira eluf ta’ Maltin u turisti. Madanakollu, ħafna mit-turisti li jżuru pajjiżna fis-sajf ma jkollhomx l-opportunità li jesperjenzaw l-arti u l-artiġjanat tal-karnival. B’hekk, il-Karnival tas-Sajf huwa mezz li bih inxerrdu t-talenti tad-dilettanti tal-karnival ma’ udjenza aktar wiesgħa fiż-żmien meta pajjiżna jara l-aktar turisti matul is-sena”, qal Aaron Zahra, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta.
“Din l-attività għandha importanza konsiderevoli għal Festivals Malta. Dan għax filwaqt li nagħtu opportunità oħra lill-artisti dilettanti tal-karnival sabiex juru x-xogħol brillanti tagħhom, indewqu wkoll lin-nies li jgħixu Malta u Għawdex ftit minn dak li jistgħu jistennew fil-Karnival ta’ Malta li jsir fi Frar”, qal Frans Agius, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta.
“Wara waqfa ta’ tliet snin jerġa’ jirritorna l-Karnival tas-Sajf fi tliet lokalitajiet: dawk ta’ Buġibba, Marsaskala u Birżebbuġa. F’din l-edizzjoni se naraw ħdax-il karru kif ukoll parteċipant mill-gżira Għawdxija. Dawn is-serati se jkunu mżejna bi żfin u b’allegrija kif jafu jagħmlu l-parteċipanti tal-karnival Malti”, kompla Jason Busuttil, id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ Il-Karnival tas-Sajf 2023, żur www.festivals.mt/karnival.