Saturday, December 21, 2024

JITILGĦU, MA JINŻLUX

Aqra wkoll

Sew għamel il-Prim Ministru Robert Abela li semma kif ċerti negozji jistgħu qed japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni ta’ għoli tal-prezzijiet biex itellgħu l-prezz tal-prodott tagħhom meta m’hemmx għalfejn, jew iżiduh b’aktar milli suppost.

Żgur li mhux in-negozjanti “kollha” jagħmlu hekk; imma li xi wħud iva, m’għandix dubju. Għal dan għandhom jiġu penalizzati.

Hemm problema oħra li tħassbek: Ċerti prezzijiet bilfors ikollhom jiżdiedu għax tassew, l-ispiża biex tinżamm il-provista għall-bejgħ żdiedet. Biss din iż-żieda fl-ispiża m’għandhiex iddum għal dejjem f’kull każ. Bil-maqlub naqtagħha bħala temporanja, anke jekk mhux għal kulħadd jidher hekk bħalissa.

Madankollu, x’se jiġri meta u jekk l-ispiża terġa’ lura għal li kienet, jew kważi? Se jitnaqqas il-prezz tal-prodott lill-konsumatur? 

Prezzijiet li qegħdin hemm biss biex jitilgħu mhux jinżlu wkoll, skont is-suq ħieles, iridu jkunu regolati tajjeb fl-interess tal-konsumatur.

SIGRIETI

L-ewwel kien Trump, issa Biden: it-tnejn ħadu d-dar karti sigrieti tal-gvern meta kienu President jew viċi u żammewhom hemm. Qamu skandli qawwija.

L-amministrazzjoni ta’ Biden ħarġet ta’ belha għax l-ewwel skandalizzat lill-pajjiż b’x’għamel Trump, imbagħad sabet li Biden innifsu, meta kien viċi-President wettaq żball simili… bid-differenza li Trump mid-dehra ġarr dokumenti sigrieti ’l barra fuq skala industrijali. 

Problema tista’ tkun ukoll li ħafna minn dawn il-karti suppost importanti, ma jkun fihom xejn ta’ sugu. Sempliċement jiġu ttimbrati bħala sigrieti. Il-politikant li jkun, jeħodhom miegħu d-dar biex forsi jaqrahom hemm. Anke jekk jagħmel hekk, tant ma jkollhomx importanza, li jinsihom għal kollox.

KULL ŻVILUPP?

Ħabib ġie jikkustinja megħi fuq il-protesti li jqumu ta’ spiss kontra l-iżvilupp ta’ art. Iva kull żvilupp ħażin? ilmenta. (Biex inkun ċar ma nafx jekk għandux xi applikazzjoni għal bini f’ODZ.)

Kompla: Ma nistgħux nemmnu li bnejna kull ma bnejna sa issa, u daqshekk. Kif jista’ jkun? Hemm bżonn ta’ aktar bini, mela m’hemmx! Ara kemm baqa’ nies bla dar jew flat fejn joqogħdu. Mhux bilfors irid jinbena l-ġdid biex ikollhom fejn jgħixu? Veru li neħtieġu kontrolli biex nilqgħu għall-abbużi. Imma lanqas nistgħu mmorru għall-estrem li kull bini f’inħawi ġodda jitqies bħala komplott kontra l-ambjent. 

Biex inkun onest, ma tantx kont naf kif se nwieġbu. Jien wieħed min dawk li tqażżu bl-eċċessi li qed isiru fil-mod kif il-bini l-ġdid qed jinxtered ma’ kull rokna tal-pajjiż u x’jimportana mill-ambjent naturali!! Sirt nemmen li l-biċċa l-kbira tal-proposti li jsiru għall-bini ta’ blokki ġodda ta’ appartamenti u x’naf jien qed ikunu konxjament stupru kummerċjali tal-ambjent.

Ekonomija

Sport