In-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom fl-għargħar ġewwa l-Lvant ta’ Kentucky issa tela’ għal 37, u dan hekk kif ir-reġjun qiegħed jistenna iktar xita. Il-gvernatur ta’ Kentucky Andy Beshear qal li sfortunatament hemm probabbiltà kbira li n-numru ta’ persuni mejta jista’ jkompli jiżdied u dan hekk kif hemm “mijiet” ta’ persuni li għadhom irrapportati nieqsa.
Apparti t-telf ta’ ħajjiet, dan l-għargħar ħalla ħsarat infrastrutturali kbar tant li hemm iktar minn 12,000 residenza li jinsabu mingħajr provvista tal-elettriku filwaqt li diversi żoni jinsabu mgħarrqin taħt l-ilma. Il-gvernatur tenna li l-ħsarat fit-toroq, pontijiet u infrastruttura oħra se jiswew miljuni ta’ dollari biex jiġu rranġati.
Beshear tenna li dan huwa l-agħar diżastru naturali li qatt ra b’għajnejh u qal li hemm mijiet ta’ persuni li tista’ tgħid tilfu kollox. Fil-preżent hemm madwar 300 ċittadin li qed jingħataw kenn fi knejjes u djar mobbli li ġew imwaqqfa apposta. Apparti dan kollu, f’żewġ counties partikolari – li l-iktar li ġew milquta – kellu jiġu impost curfew matul il-lejl minħabba rapporti kbar ta’ serq.