Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit tal-proġett tal-underpass u tar-roundabout ta’ Santa Luċija, fejn ħabbar li tlesta l-bini ta’ Vjal Santa Luċija. Din hija t-triq arterjali li tgħaqqad il-Marsa Jucntion mal-istess underpass u roundabout, u issa nbniet b’disinn aktar sigur u twessgħet biex tinkludi passaġġ pedonali u għaċ-ċiklisti li jifforma parti minn netwerk sigur li jgħaqqad Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċija, Ħal Luqa u l-Marsa.
Fi tmiem din il-ġimgħa, il-karreġġjata ta’ Vjal Santa Luċija fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar, li fiha żewġ korsiji, se tinfetaħ, u fil-ġimgħat li ġejjin se tinfetaħ ukoll il-karreġġjata fid-direzzjoni opposta. Sakemm jitlestew il-mini, din il-konnessjoni se tingħaqad ma’ 4 rampi ġodda li eventwalment se jgħaqqdu Vjal Santa Luċija ma’ Tal-Barrani permezz tar-roundabout li qed tinbena mill-ġdid.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Ta’ kuljum naraw il-progress fuq dawn iż-żewġ proġetti maġġuri li qed jibdlu għat-tajjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ nies li jgħixu, jaħdmu jew jivvjaġġaw minn u lejn in-Nofsinhar. Illum aktar minn 78% tal-Marsa Junction Project huwa lest u 70% tal-proġett tal-underpass u tar-roundabout ta’ Santa Luċija huwa lest ukoll. Għal din it-triq li ser niftħu, għall-underpass u r-roundabout kif ukoll għall-pontijiet tal-Marsa qed nużaw għall-ewwel darba polymer modified asphalt, li huwa aktar b’saħħtu, iservi aktar fit-tul u huwa aktar reżistenti għal bidliet fit-temperatura. Dan huwa mod ieħor kif qed niżguraw li l-impenn tal-lum iservi għal għada wkoll. Qed nippjanaw b’mod ħolistiku u fit-tul biex naraw li l-frott tal-ħidma tagħna jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri filwaqt li naraw traġitti aktar effiċjenti, inqas konġestjoni u arja aktar nadifa b’mod immedjat”.
Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Il-Proġett tal-Underpass u r-Roundabout ta’ Santa Luċija huwa wkoll parzjalment finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea tagħti għat-titjib fl-infrastruttura tat-toroq fl-Ewropa u kif bi spiża ta’ ftit aktar minn €18-il miljun speċifikament għal dan l-underpass ta’ Santa Luċija, qed tkompli titjieb il-ħajja tal-Maltin, partikolarment dawk ġejjin min-naħa ta’ isfel tal-pajjiż.
Qal li l-proġett tal-underpass ta’ Santa Luċija se jżid is-sigurtà mhux biss għas-sewwieqa tal-karozzi imma wkoll għal ċiklisti, persuni b’diżabilità u anke għal min iħobb il-mixi. Il-proġett se jkompli jgħin lil Malta biex tilħaq il-miri ambjentali Ewropej permezz tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ikkaġunati mit-traffiku li se jgħaddi b’ferm aktar effiċjenza minn dawn l-inħawi.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi semma wkoll li bħalissa għaddej ħafna xogħol biex jitfassal l-ipprogrammar taż-€2.25 biljun li Malta rnexxielha takkwista f’fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin biex dawn jintefqu fi proġetti ta’ siwi għall-poplu Malti u Għawdxi.