Monday, December 23, 2024

Jitlesta l-proġett tal-Imrieħel Underpass

Għaddej xogħol fuq il-karreġġjata tal-bypass li tagħti għan-Nofsinhar u l-junction eżistenti

Aqra wkoll

Jitlesta l-proġett tal-Underpass tal-Imrieħel li permezz tiegħu nħolqot rotta diretta minn Triq l-Imdina sal-Bypass tal-Imrieħel, biswit l-uffiċċji tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Infrastructure Malta (IM) bħalissa qed timplimenta wkoll proġett ta’ titjib fil-karreġġjata tal-Bypass tal-Imrieħel li tagħti għan-Nofsinhar kif ukoll titjib fil-junction eżistenti li tagħti għall-qasam industrijali tal-Imrieħel.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ IM Ivan Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Ġie spjegat li l-proġett tal-Imrieħel Underpass mhux biss qiegħed inaqqas il-volum tat-traffiku, iżda qed jintroduċi pedestrian u cycling crossings aktar siguri. Permezz ta’ dan il-proġett qed jingħaqdu wkoll l-irħula ta’ Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan ma’ Triq il-Ħofor, li hija triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.

L-underpass, li għandu żewġ karreġġjati b’tul ta’ 60 metru, jinsab taħt ir-roundabout il-ġdida u b’hekk qed jiġu eliminati t-traffic lights fil-junction bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. B’hekk, it-traffiku lejn il-Lvant joħroġ minn Triq l-Imdina, Ħal Balzan lejn il-Bypass tal-Imrieħel u huwa totalment separat mit-traffiku tar-roundabout li għadha kif inbniet.

IM bniet dan l-underpass billi użat aktar minn 290 pannella tal-konkos biex b’hekk jiġi ffurmat il-ħitan. L-aġenzija għolliet f’posthom travi tal-konkos li fuqhom qed jerfgħu s-saqaf tal-underpass il-ġdid, li fuqu hemm ir-roundabout il-ġdida u l-korsiji, flimkien mal-passaġġi għall-mixi u r-roti. Dan il-proġett qed ikompli jżid l-impatt pożittiv tal-proġett tas-Central Link f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel.

Bħala parti mill-proġett tas-Central Link, IM bniet żewġ korsiji ġodda biex toħloq rotta bla interruzzjoni fid-direzzjoni opposta, mill-bypass lejn Ħal Balzan u Ħ’Attard. Bl-eliminazzjoni tat-traffiku prinċipali lejn il-Lvant u lejn il-Punent mir-roundabout il-ġdida, il-fluss tal-karozzi sar wieħed aktar mgħaġġel, filwaqt li t-triq saret ferm aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet oħra fil-viċin, inkluż l-Imrieħel, Birkirkara u Ħaż-Żebbuġ.

Dwar x-xogħol li għaddej bħalissa fuq il-karreġġjata tal-bypass li tagħti għan-Nofsinhar u l-junction li twassal għall-qasam industrijali tal-Imrieħel, ġie spjegat li x-xogħol jinkludi t-tqegħid ta’ 1.5 kilometru ta’ crash barriers, flimkien ma’ titjib fis-sistema eżistenti tal-ilma tax-xita, u l-bini ta’ 800 metru ta’ mogħdijiet ġodda. Dan il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Intornjatur, it-tibdil tal-mina eżistenti tal-ilma tax-xita u t-titjib tan-networks taħt l-art.

“L-underpass tal-Imrieħel huwa proġett ieħor li se jkompli jtejjeb il-konnettività, itaffi l-problema tat-traffiku f’pajjiżna kif ukoll itejjeb is-sigurtà għal kull min juża dawn it-toroq. Iżda aħna ma waqafniex hemm, hekk kif permezz ta’ dan it-titjib ulterjuri fil-karreġġjata tal-bypass tal-Imrieħel li tagħti għan-Nofsinhar, qed inkomplu ninvestu f’din iż-żona biex inkomplu ntejbu s-sitwazzjoni tat-traffiku,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Ekonomija

Sport