Friday, April 19, 2024

Imħallef qabblet l-Għassa ma’ burdell u qalet li l-allegata vittma ta’ stupru ma kinitx kredibbli

Eks pulizija mhux ħati ta' stupru

Aqra wkoll

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ma sabitx lill-akkużat, li hu eks pulizija ħati li stupra eks kollega tiegħu fl-Għassa tal-Imsida.

Però hu nstab ħati li ffastidja lit-tieni vittma u ta’ dan ġie kkundannat mill-qorti sena ħabs sospiża għal sentejn.

Kien għall-ħabta tal-4.00pm li l-Imħallef bdiet taqra s-sentenza fejn mill-ewwel il-Qorti qalet li l-ewwel allegata vittma mhix kredibbli u għalhekk kienet qed tilliberaħ minn kull akkuża ta’ stupru vjolenti.

Dwar it-tieni allegat vittma, il-Qorti qalet li jidher ċar li kien idejjaqqha u għalhekk sabitu ħati ta’ fastidju sesswali tat-tieni vittma.

Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Scerri Herrera qablet l-għassa ma’ “burdell” iżda minħabba li kien hemm nuqqas ta’ dixxiplina ma jfissirx li kienu qegħdin isiru atti kriminali.

L-akkużat li għandu 33 sena u ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti għatta wiċċu b’idejh it-tnejn hekk kif sema lill-Imħallef tgħid li mhux ħati ta’ sekwestru u fastidju sesswali fuq l-ewwel allegat vittma.
Martu li hija tqila, hekk kif intemmet is-seduta daħlet tiġri fl-awla tibki u tgħannaq lil żewġha.

L-Imħallef qalet li fl-2015 l-ewwel allegat vittma ta’ 21 sena daħlet fil-korp tal-Pulizija u mill-ewwel ġiet stazzjonata fl-għassa tal-Imsida. Kien sentejn wara li hi bdiet taħdem fl-istess shift tal-akkużat.

Sitt xhur wara qalet li beda jittanta u kien fit-30 ta’ Ottubru tal-istess sena li qallha “Ejja ħa nurik x’naf jien” u biesha konta r-riedha tagħha.

Imbgħad fis-16 ta’ Frar tal-2018 waqt li kienu xogħol l-akkużat talabha biex tagħmel is-sess orali fuqu, iżda hi rrifjutat u l-akkużat ġibidha għall-kamra tas-surġeht fejn prova jġiegħlha tagħmel sess orali fuqu u wara stuprha.

Ġurnata oħra fix-xahar ta’ Marzu imbgħad fl-istess għassa hekk kif telaq is-Surġent u l-kuntistabbli l-ieħor daħal jorqod fuq is-sufan, l-akkużat qabad lill-allegata vittma u ġibidha fil-kitchenette fejn reġa’ stuprha.

Wara li kien sar ir-rapport mill-allegat vittma, hu kien mitkellem mill-pulizija u filwaqt li qallhom li verament kellhom x’jaqsmu ma’ xulxin, dan kollu seħħ bil-kunsens tagħha u anzi kompla jgħid li kienet hi li tħajru u tgħidlu biex jagħmlu s-sess.

Kompliet tgħid li fis-16 ta’ Frar u fis-7 ta’ Marzu, l-akkużat żamm lill-allegata vittma kontra l-volonta tagħha meta ma kellu l-ebda awtorità biex jagħmel dan u bħala kuntistabbli tal-puliizja kellu jara li reat bħal dan ma jsir.

L-Imħallef qalet li minħabba li ma kien hemm l-ebda persuni li raw dawn l-affarijiet jiġru quddiem għajnejh, ix-xhieda tal-allegat vittma ma tistax tiġi approvata u meta l-Imħallef daħlet fid-dettall ta’ dak li qalet sabet ħafna inkonsistenzi.

Il-Qorti tgħid li “hemm ċans akbar” li s-sess sar bil-kunsens tagħha wkoll. L-Imħallef qalet ukoll li hi evitat il-mistoqsijiet li saru mill-Qorti dwar il-ħajja personali tagħha kif ukoll mistoqsijiet dwar li kienet titbewwes ma’ uffiċjal ieħor tal-pulizija.

Normalment vittmi ta’ stupru jipprovaw jagħmlu minn kollox biex jevitaw lill-aggressuri tagħhom. Iżda f’dan il-każ, l-allegat vittma mhux talli ma pprovatx taħarbu, talli biddlet is-shift, poġġiet quddiemu waqt ikla sushi u ma għamlet l-ebda talba ta’ trasferiment wara l-allegat stupru fuqha.

Rigward it-tieni vittma, l-akkużat għadda kummenti dwar il-warrani tagħha, poġġa jdejħ fuq is-sit tal-karozza biex hi tpoġġi fuq idejh, ipprova jmissilha saqajjha fil-karozza fost affarijiet oħrajn.

Iżda wkoll hawn ma kienx hemm provi li b’xi mod abbuża sesswalment minnha.

Il-Qorti ordnat ukoll biex il-Ministru tal-Ġustizzja jiġi notifikat b’din is-sentenza u jagħmel l-emendi fil-liġi biex każi bħal dawn qatt ma jerġgħux jiġru.

Il-Maġistrat qalet ukoll li dak li kien qed jiġri fl-Għassa tal-Imsida ma jidhrix li kien qed jiġri f’għases oħrajn.

Fid-difiża kien hemm l-avukati Edward Gatt u Franco Debono filwaqt li Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana dehru għal parti ċivile.

Sport