Tuesday, December 24, 2024

Jitlesta studju ġdid dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni bis-sehem ta’ persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Ġie mniedi rapport wara li tlesta studju ġdid li jiffoka fuq id-deistituzzjonalizzazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Dan ir-rapport għandu bħala wieħed mill-miri tiegħu li jipprovdi bażi għall-istrateġija nazzjonali tad-deistituzzjonalizzazzjoni.

Ir-rapport ġie mniedi waqt il-konferenza nazzjonali tas-CRPD li issir kull sena b’rabta mal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità. Ir-rapport juri wkoll kif il-persuni b’diżabilità għandhom bżonn aċċess għal xibka sħiħa ta’ servizzi li flimkien jipprovdu l-assistenza meħtieġa għal persuni b’diżabilità biex jgħixu fil-komunità b’mod independenti.

Ir-rapport, li sar mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità (CRPD), jinkludi numru ta’ intervisti ma’ persuni b’diżabilità li jgħixu f’istituzzjonijiet kif ukoll oħrajn li jgħixu fil-komunità. Dan l-istudju jinkludi wkoll numru ta’ intervisti ma’ service providers, professjonisti u partijiet interessati oħra mis-settur tad-diżabilità.

Il-Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland qalet, “Dan l-istudju huwa dokument importanti li jiġbor fih mhux biss ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità permezz tal-vuċijiet tagħhom stess, imma jiġbor fih ukoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet li joħorġu direttament minn dawn il-vuċijiet, u li għalhekk jipprovdi wkoll bażi tajba għall-istrateġija dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni.”

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli spjegat li dan l-istudju u riċerka waslu fi żmien importanti hekk kif il-Gvern qed jaħdem fuq ir-riforma tal-assistent personali. “Din hi waħda mill-akbar riformi li se naraw fis-settur tad-diżabbiltà għax se tkompli tagħti aktar għodda fuq l-indipendenza tal-individwu,” spjegat il-Ministru. Il-Ministru qalet li l-konsultazzjoni pubblika dwar din ir-riforma, li ntemmet il-ġimgħa li għaddiet rat 30 sottomissjoni differenti, fosthom minn għaqdiet li jaħdmu direttament fis-settur tad-diżabbiltà.

Is-CRPD ġiet assenjata l-irwol ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità. Għalhekk il-Kummissjoni taħdem biex id-deistituzzjonalizzazzjoni issir dejjem aktar ta’ prijorità fis-settur tad-diżabilità.

Id-dritt li tgħix b’mod indipendenti u fil-komunità huwa stabbilit kemm fil-Karta Soċjali Ewropea kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li t-tnejn li huma ġew ratifikati u implimentati minn Malta bħala stat membru.

Barra minn hekk, fl-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità, ‘Libertà li Tgħix (2021–2030)’, Malta hija impenjata li tindirizza d-deistituzzjonalizzazzjoni tal-persuni b’diżabilità permezz tal-formulazzjoni ta’ Strateġija Nazzjonali ta’ Deistituzzjonalizzazzjoni u biex tipprovdi u tikkoordina servizzi bbażati fil-komunità, fost azzjonijiet oħra.

Ekonomija

Sport