Monday, October 28, 2024

Jitlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali fuq iż-żewġ pontijiet li jwasslu għall-Forti Sant’Anġlu

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett inawgura ż-żewġ pontijiet li jagħtu aċċess għall-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu u l-parti tax-xatt quddiem id-daħla tal-Forti.

B’investiment ta’ madwar tliet miljun ewro, Infrastructure Malta wettqet  proġett biex tiżviluppa pont pedonali u ieħor għall-vetturi minflok il-pont li kien hemm qabel u li minn fuqu kienu jgħaddu kemm il-vetturi u n-nies.  

F’Ġunju tas-sena l-oħra, il-pont li kien hemm ingħalaq għall-vetturi wara li parti minnu ġġarrfet. Dan kien mibni mis-Servizzi Ingliżi u ddisinjat għal piż ferm anqas milli hu tal-vetturi li kienu qed jgħaddu minn fuqu fl-aħħar snin u għalhekk biż-żmien ġarrab numru ta’ ħsarat. Wara li ngħalaq il-pont, Infrastructure Malta ddeċidiet li tħottu u minflok pont wieħed tibni żewġ pontijiet ġodda; wieħed għall-vetturi u l-ieħor għan-nies biex tingħata aċċessibbiltà sigura lil min ikun qed jimxi fl-inħawi.

Il-Ministru Chris Bonett qal kif proġetti bħal dawn huma frott l-impenn tal-Gvern li joħloq infrastruttura aktar sigura u tal-għola kwalità filwaqt li f’żona bħal Birgu Waterfront jiġu provduti l-aħjar faċilitajiet għall-Maltin, turisti u nies li jagħmlu użu mill-Marina.

“Meta f’Jannar li għadda żorna dan il-proġett kont wegħidt li dawn il-pontijiet, li ser jipprovdu aċċess sigur għal kull min iżur dan is-sit, ser ikunu qed isiru malajr kemm jista’ jkun u bl-inqas mod inkonvenjenti. Għalhekk nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi  lill-Infrastructure Malta tal-ħidma kontinwa tagħhom b’mod speċjali dawk fit-taqsima marittima li minkejja li jkollhom jaħdmu skont l-elementi tal-baħar, dejjem jipprovdu riżultati mill-aktar professjonali li se jħallu legat ta’ Malta isbaħ u moderna,” tenna l-Ministru Bonett.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon qal, “Ħidmet Infrastructure Malta ser tkompli tkun iffukata biex intejbu l-aċċessibbiltà filwaqt li nassiguraw li kulħadd jasal fid-destinazzjoni tiegħu b’mod sigur u effiċjenti.”

Matul il-proġett, Infrastructure Malta għarfet il-valur storiku ta’ dan is-sit u żammet kuntatt dirett mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, b’din l-entità kienet involuta mill-bidu nett tal-proġett u kkontribwixxiet fid-disinn, waqt li ssorveljat il-ħidma li għaddejja. Bħalissa qed isir proġett ta’ restawr fuq l-istruttura tal-pont l-antik li ser tkun qed tiġi esibita fil-konfini tas-sit.

Sport