Wednesday, July 24, 2024

Il-Korp tal-Pulizija jiġġedded b’155 kuntistabbli ġodda f’sena

Aqra wkoll

Il-Korp tal-Pulizija kompla jissaħħaħ bi 53 kuntistabbli li temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ għar-rekluti. It-taħriġ, li dam sejjer seba’ xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi suġġetti akkademiċi, prattiċi u anke fiżiċi. Il-kors li għamlu huwa akkreditat fil-livell MQF4 mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Bih il-kuntistabbli l-ġodda se jibdew jagħtu servizz lill-komunitajiet u l-pajjiż.

Fil-kors ir-rekluti ġew mgħallma varjetà ta’ suġġett bħall-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, regoli u proċeduri, investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal fuq siti elettroniċi, offiżi sesswali u għarfien dwar is-saħħa mentali, fost oħrajn.

Dawn it-53 kuntistabbli ġodda b’hekk jingħaqdu mal-102 kuntistabbli l-oħra li ssieħbu fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar xhur.

F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-passing out parade, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li fl-isfond tat-tiġdid tal-korp tal-pulizija, il-gvern mhux biss qed jinvesti fl-għodda li l-pulizija jużaw iżda anke f’salarji u kundizzjonijiet aħjar, flimkien ma’ iżjed drittijiet. Huwa appella lill-membri l-ġodda tal-pulizija biex jaħdmu fil-qrib tal-komunità biex tabilħaqq tixxettel aktar is-sigurtà fil-qalba tal-komunitajiet u li n-nies jibqgħu jsibu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega kif filwaqt li l-Korp tal-Pulizija Malti huwa fost l-eqdem istituzzjonijiet tax-xorta tiegħu, dawn il-pulizija ġodda ser isibu Korp tal-Pulizija aġġornat maż-żminijiet tal-lum, b’aktar enfasi fuq il-professjonaliżmu u l-effiċjenza. Dan kollu jikkonfermah kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar f’dawn l-aħħar snin, kemm lokali kif ukoll fuq livell Ewropew, li dejjem wrew li l-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fil-Korp u fl-uffiċjali tiegħu. “Dawn ir-riżultati ferm pożittivi huma mertu ta’ uffiċjali motivati li ta’ kuljum jipprovdu servizz professjonali id f’id mal-komunitajiet tagħna,” qal il-Kummissarju Gafà.

Il-kuntistabbli Jamie Martin Carter ingħata l-premju ‘PC Mark Farrugia Award’ bħala r-rekluta l-aktar li ddistingwa ruħu.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Joyce Dimech, il-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati Karen Galea, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Akkademja, l-Prof. Raymond Mangion u d-Direttur tal-Istudji, il-Kaptan Reuben Lanfranco.

Ekonomija

Sport