Wednesday, July 24, 2024

L-impjant antik tal-ħażna tal-fjuwil f’Birżebbuġa uffiċjalment jitneħħa mil-lista ‘COMAH’

Aqra wkoll

L-impjant antik tal-ħażna tal-fjuwil f’Birżebbuġa tneħħa uffiċjalment mil-lista ta’ siti meqjusa li jaqgħu taħt ir-regolamenti ‘COMAH’. Ir-regolamenti ‘COMAH’ jirreferu għal ‘Control of Major Accident Hazards’.

Dan l-iżvilupp isegwi xhur ta’ ħidma mill-kumpanija Enemed, li llum il-ġurnata qed topera mill-impjant il-ġdid f’Ħas-Saptan. Dan l-investiment wassal biex l-Enemed mexxiet il-fjuwil kollu li kienet taħżen fl-impjant 31 ta’ Marzu għal ġot-tankijiet taħt l-art, f’Ħas Saptan. B’hekk, ingħata bidu għall-proċess imqassam f’diversi fażijiet biex jitbattlu u jitnaddfu t-tankijiet. Kif tbattlu t-tankijiet, kien imiss it-tindif tat-tankijiet minn fdalijiet ta’ petrol u diesel, kif ukoll tneħħa dak li hu magħruf bħala “bottom stock”.

Wara, it-tankijiet kollha nfetħu sabiex ikunu jistgħu jiġu ċċertifikati li huma ‘gas free’ u għalhekk ikun aċċertat li l-post huwa sigur. F’din il-fażi, is-sistema ta’ pajpijiet li jgħaqqdu tank ma’ ieħor, kif ukoll is-sistema li tgħaqqad l-impjant mal-moll ta’ Birżebbuġa u d-Dolphin ta’ Marsaxlokk ġew żarmati sabiex l-impjant jiġi kompletament iżolat. Din hija fażi importanti li tnaqqas ir-riskju li b’xi mod ikun hemm xi kontaminazzjoni.

Wara dan il-proċess grupp t’esperti li spezzjonaw l-impjant ikkonfermaw li l-impjant jista’ jitneħħa minn fuq il-lista ta’ siti meqjusa “COMAH” u għaldaqstant ma jistax jopera aktar għall-ħażna tal-fjuwils. Dwar dan ġiet infurmata wkoll il-Kummissjoni Ewropea fuq is-sistema ‘Seveso Plants Information Retrieval System (eSPIRS)’ li l-impjant tneħħa minn fuq il-lista.

Issa li l-Enemed lestiet minn kull użu li kellha relatat ma’ dan l-impjant, is-sit għadda lura lill-Enemalta sabiex tkun tista’ tibda l-proċess tal-iżmantellar. Bħalissa l-Enemalta għaddejja bil-proċess tal-applikazzjoni tal-ippjanar biex ikun jista’ jinħareġ il-permess neċessarju għax-xogħlijiet għat-tneħħija tat-tankijiet.

Wara li l-Enemalta tlesti x-xogħlijiet tagħha relatati mal-impjant, Project Green tkun tista’ ittellaq il-preparamenti għar-riġenerazzjoni tal-Pont tax-Shell. Imħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, dan il-proġett se jwassal biex il-pont, b’tul ta’ 180 metru, ikun jista’ jerġa’ jintuża minn nies.

Bħala parti minn dan il-proġett huwa mistenni li tinbena struttura ġdida ta’ madwar 1,500m2 li se tkun qed isservi wkoll bħala żona pedonali. Ħa jkun qed jerġa’ jingħata lura l-aċċess għal baħar, f’forma ta’ deck u taraġ għal aktar aċċessibbiltà u sigurtà għall-għawwiema, filwaqt li jkun imħares l-ambjent marittimu.

Ekonomija

Sport