Saturday, December 21, 2024

Jitlestew tliet proġetti f’Ħaż-Żabbar li jintroduċu green pockets mingħajr ma jxekklu l-użu eżistenti ta’ dawn l-ispazji

Aqra wkoll

Ir-residenti ta’ Ħaż-Żabbar jistgħu jgawdu minn tliet green pockets fi Triq is-Santwarju, Triq Biċċieni u Triq Santa Duminka. L-għan ta’ dawn il-proġetti hu li joħloq ambjent aħdar fl-urban mingħajr ma jinħoloq xkiel fl-użu eżistenti ta’ dawn l-ispazji.

Żaru dawn il-proġetti f’Ħaż-Żabbar il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, flimkien mas-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech.

Fi Triq is-Santwarju ġie rranġat parkeġġ eżistenti, sar paviment ġdid u nħolqot żona fejn ir-residenti jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom f’ambjent iktar rilassanti. Ix-xogħol jikkonsisti f’feature walls bl-ilma, green walls, tħawwil ta’ pjanti u siġar maturi u  bankijiet magħmula minn materjal riċiklabbli. Ġie integrat ukoll ġibjun eżistenti biex l-ilma jkun jista’ jintuża għall-irrigazzjoni u ġew installati umbrelel li minbarra li joffru d-dell jiġbru anke l-ilma tax-xita f’tankijiet apposta.

Fil-proġetti l-oħra, żewġ parkeġġi fi Triq Biċċieni u Triq Santa Duminka ġew imsaqqfa biex setgħu jsiru green roofs u sar anke paviment ġdid. Għalkemm fuq skala pjuttost żgħira, l-introduzzjoni tal-green roof imħawwel bi speċi ta’ pjanti differenti se jkun sors ta’ bijodiversità speċjalment għal din iż-żona urbana. 

Fil-proġett ta’ Triq Biċċieni, ġibjun tal-ilma storiku fl-istess żona tnaddaf u ġie integrat mill-ġdid fil-proġett filwaqt li fil-proġett ta’ Triq Santa Duminka nbena ġibjun ġdid. Permezz ta’ dawn il-proġetti, ir-residenti li joqogħdu fil-viċin se jgawdu min ambjent isbaħ u anke dell għall-karozzi tagħhom.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dawn il-proġetti  huma eżempju ċar ta’ kif nistgħu nsebbħu l-lokalitajiet tagħna b’mod prattiku fl-urban.

“Dan huwa proġett li qed juri kif jista’ jsir xogħol ta’ tisbiħ fl-urban, filwaqt li servizzi li jgawdu minnhom ir-residenti  jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca spjega li dawn il-proġetti jħaddnu prinċipji ta’ sostenibbiltà. “Rajna li f’dawn il-proġetti mhux biss nużaw materjali sostenibbli imma anke li nagħmlu użu mill-ilma tax-xita għall-irrigazzjoni filwaqt li rrispettajna l-użu eżistenti ta’ din iż-żona kif ukoll bħala spazju li fih jgħaqqad il-komunità flimkien,” qal is-Sur Bilocca.

Dawn it-tliet proġetti ġew iffinanzjati mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF).

Ekonomija

Sport