Friday, May 3, 2024

“Il-poplu Malti japprezza ħafna l-kantanti Maltin”

- Brooke

Aqra wkoll

Brooke hi kantanta ta’ 30 sena li ilha fil-qasam mużikali għal dawn l-aħħar snin. Ilha sa minn meta kien għad kellha biss erba’ snin li kienet tkanta u saħansitra pparteċipat f’kompetizzjonijiet internazzjonali fosthom fl-Italja. 

Brooke, kif inhi magħrufa fix-xena mużikali, minn dejjem kellha entużjażmu u fuq kollox kreattivita’ fil-mużika u kien hemm mumenti fejn studjat anke il-ballet u l-jazz fil-College of Jazz Dance. Kienet ispirata minn kantanti ta’ fama mondjali fil-passat fosthom Stevie Wonder, Aretha Franklin u Roberta Flack, Caruso, Giorgia u Alex Baroni.

Din ir-relazzjoni lejn il-mużika soul u dik Taljana għenitha sabiex timmatura iktar mużikalment matul dawn is-snin.

Hi kienet tippreżenta programmi bħal Kikki Riki, Hip Hip Hurray u Waw. Kienet titħarreġ mhux biss fil-kant iżda wkoll fiż-żfin ballet u jazz u fil-pjanu.

Brooke ħadet sehem ukoll f’diversi festivals fosthom Malta Junior Eurovision Song Contest, L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ u Malta Eurovision Song Contest.
Iżda kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-mużika?

“Kelli ħija Brandon li kien ikanta u jien kont nisimgħu u mmur nara l-kunċerti u anke meta kien jattendi l-lezzjonijiet. Minn hemm bdiet il-ħajra u naħseb li tul iż-żmien żdiedet ħafna l-passjoni lejn dan il-ġeneru.”

“Biż-żmien bdejt inkompli nimraħ fid-dinja tal-ispettaklu fejn skoprejt ukoll it-televiżjoni u fejn kont nippreżenta programm għat-tfal bl-isem ta’ Little Ones. Bdejt nidħol fid-djar tan-nies b’mod partikolari tat-tfal u verament kont sodisfatta b’dak li kont nagħmel.”

Brooke kellha wkoll opportunitajiet fir-reċtar u anke fl-immudellar li komplew fetħulha beraħ ħafna bibien oħra. Għalkemm ma tagħmilx dan ix-xogħol bħala l-full-time tagħha, Brooke tiddedika ħafna sigħat għall-mużika. U allura kif tlaħħaq max-xogħol proprja tagħha u l-kant?

“Nista’ ngħidlek li mhux faċli għax il-ħin hu ferm limitat. Madankollu, nara li meta jkun hemm passjoni għal xi ħaġa, mingħajr ma trid issibu l-ħin. Veru li trid torganizza ruħek sew iżda mbagħad nemmen li skont kemm tagħti dedikazzjoni lill-oġġett. Kif jgħidu l-Ingliżi, “Where there’s a will, there’s a “ – Fejn hemm ir-rieda hemm is-saħħa u naqbel ħafna ma’ dan id-diskors.”

Tkellimna dwar ix-xena mużikali Maltija b’mod partikolari dwar il-kantanti Maltin. Kemm huma rispettati? Jew inkella meta jiġi kantant jew grupp barrani, kulħadd imur biex jieħdu xi stessu jew inkella jieħdu l-firem tagħhom?

“Inġenerali naħseb li l-poplu Malti japprezza ħafna l-kantanti Maltin. Ovvjament jien xtaqt inqajjem punt li ħafna japprezzawna bħala kantanti li għalina l-kant hu passatemp. Nixtieq li niġu rikonoxxuti u fuq kollox magħrufa iktar meta aħna nkunu qed nagħmlu dan kollu bħala xogħol. Hemm differenza bejn passatemp u xogħol.

Għalkemm kulħadd iħobb il-mużika, il-kantanti kollha jagħmluh bħala xogħol għax l-impenn li jieħdu jista’ jitqies bħala xogħol.”

Brooke Borg kellha ċ-ċans li tagħmel ċertu żmien tistudja fl-Ingilterra u hemmhekk tgħallmet mhux ftit dwar il-mużika. Madankollu, kif tistqarr hi stess, Malta hi gżira sabiħa wisq u l-ħajja hi ferm differenti minn dik Ingliża. Filwaqt li tammetti li fl-Ingilterra hemm ħafna opportunitajiet, xorta waħda tħobb il-ħajja f’Malta.

Nitkellmu ma’ Brooke dwar il-Malta Song for Europe ta’ din is-sena 2023 bil-ħames post li kisbet bl-interpretazzjoni li tat tad-diska Checkmate. Fil-passat hi kellha wkoll kanzunetti sbieħ oħra fosthom Heart of Gold u Unstoppable. Fost il-kanzunetti oħra tagħha niftakru wkoll Unstoppable, Golden, Maz-Żifna tat-Tfal, Come Over u Forever Love.

Iżda din is-sena l-għajdut kienu ċari li hi setgħet saħansitra rebħet il-festival u tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest li se jsir f’Mejju li ġej. Madankollu hi temmet fil-ħames post. X’taħseb Brooke dwar din il-pożizzjoni? Kemm hi sodisfatta?

“Jien inħares lejn il-wirja tiegħi li fl-opinjoni tiegħi kienet waħda mill-aħjar. Għalija kien vjaġġ sabiħ minn meta varajt id-diska għal meta kont qed nagħmel provi tagħha flimkien mal-mużiċisti sakemm kantajtha. Ovvjament qegħdin f’konkors mużikali li kollox jista’ jiġri fih. Kelli dak l-eċitament li hu normali għal kull kantanta meta titla’ fuq il-palk. Inħares lura ma jiddispjaċini xejn minn dak li għamilt.”

Meta mistoqsija jekk terġax tieħu sehem f’dan il-festival, hi la ċaħdet u lanqas ikkonfermat għax fil-ħajja kif qalet hi stess, kollox hu possibbli. Madankollu bħalissa mhux intenzjoni tagħha li tagħmel dan hekk kif qed taħdem fuq materjal ġdid li se tkun qed toħroġ fix-xhur li ġejjin.

Madankollu l-futur għal Brooke jidher wieħed ferm sabiħ fejn il-mużika tkompli tiddomina fil-ħajja tagħha u forsi b’aktar maturita’ u esperjenzi oħra li tixtieq li jseħħu. L-isfidi mhux se jonqsu iżda hi lesta li tagħmel kull sagrifiċċju possibbli sabiex il-ħolm tagħha jsir realta’.

Finalment tlabna lil Brooke Borg sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.

“Bħalma ngħid lil kulħadd, qatt taqta’ qalbek minkejja li forsi jkollok il-kuntrarju kollu. Fuq kollox, tagħtix kas x’jgħidu n-nies iżda imxi fuq l-istil u l-pass tiegħek. Fl-aħħarnett iġri wara l-ħolm tiegħek, għax kollox jibda minn ħolma u jekk taħdem għaliha ssir realtá.”

Sport