Friday, May 17, 2024

Il-gvern f’diskussjonijiet mal-AKL dwar il-pjan għal trasport pubbliku effiċjenti u l-mitigazzjoni tat-traffiku

Aqra wkoll

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali kompla b’serje ta’ laqgħat mal-imsieħba ewlenin dwar l-effiċjenza tat-trasport pubbliku u l-mitigazzjoni tat-traffiku. Il-laqgħa tal-lum kienet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, hekk kif dawn jilagħbu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-pjan tal-gvern.

Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li permezz ta’ dawn il-laqgħat bit-titlu ‘Deċiżjoni b’direzzjoni: djalogu dwar trasport u mobilità’, immexxija mill-konsulent u akkademiku l-Profs. Gordon Sammut, qed jiġu involuti l-partijiet interessati kollha biex tinkiseb il-bidla li tant hemm bżonn f’dan il-qasam. Huwa fisser li l-kunsilli lokali huma sieħeb importanti fl-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-gvern hekk kif huma l-aktar li jafu l-bżonnijiet partikolari tal-lokalità tagħhom.

“Għaddejjin b’ħidma biex infissru u nispjegaw il-pjan tal-gvern lill-partijiet interessati kollha u biex minn dawn il-laqgħat noħorġu bi proposti tanġibbli u li jagħmlu sens. Lil hinn minn dibattitu partiġġan, dawn il-laqgħat qed iħejju bażi ta’ diskussjoni b’saħħitha biex ikollna proposti li joffru s-soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż f’dan il-qasam,” qal il-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li wieħed mill-irwoli importanti tal-kunsilli lokali huwa li jiżguraw li l-komunitajiet rispettivi tagħhom ikunu siguri, aċċessibbli u li joffru l-possibbiltà ta’ trasport sostenibbli bħall-użu tar-roti, li jissodisfaw il-bżonnijiet tar-residenti u tan-negozji rispettivament. Hija spjegat li wieħed mill-punti li ġew diskussi fil-konsultazzjoni bi tħejjija għall-Viżjoni Strateġika tal-Gvern Lokali kien propju l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ibliet u fl-irħula.

“Il-gvern kommess li b’ħidma kollettiva mal-kunsilli lokali u mal-entitajiet konċernati, nindirizzaw il-bżonnijiet tat-trasport u l-mobbiltà b’mezzi ġodda u sostenibbli, sabiex noħolqu ambjent aktar nadif u sigur filwaqt li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, saħaq dwar l-importanza li pajjiżna jimxi lejn mezzi ta’ trasport alternattivi filwaqt li titnaqqas id-dipendenza fuq il-vettura privata. “Waħda minn diversi miżuri biex pajjiżna jkompli jnaqqas l-emissjonijiet aktar malajr hija l-użu tat-trasport pubbliku. Biex dan iseħħ irid ikollna infrastruttura tajba fl-ibliet u fl-irħula tagħna.

Dan iħeġġeġ lir-residenti biex ibiddlu d-drawwiet tal-mobilità tagħhom. Il-kunsilli lokali jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima kif ukoll iżidu s-sostenibbiltà soċjali u ekonomika,” qal is-Sur Fava.

Sport