Bdiet il-ħidma biex jitneħħew it-tankijiet li qabel kienu jintużaw għall-ħażna taż-żejt f’San Luċjan, Birżebbuġa. Din hija fażi ġdida importanti fil-ħidma biex dan is-sit industrijali jingħata użu ġdid.
Il-proġett tat-tindif u t-tneħħija tal-infrastruttura mis-sit, li ġie fdat f’idejn Petromal, se jwitti t-triq għall-hub ta’ innovazzjoni sostenibbli mwiegħed mill-Gvern.
Wara li aktar kmieni din is-sena tlesta xogħol estensiv ta’ tindif, issa bdiet it-tneħħija fiżika ta’ 12-il tank li qabel kienu jintużaw għall-ħażna tal-heavy fuel oil. Wieħed mit-tankijiet, li jiżen 25 tunnellata, diġà tneħħa, filwaqt li l-bqija se jitneħħew wieħed, wieħed fix-xhur li ġejjin.
Dan ix-xogħol isegwi t-tneħħija ta’ madwar 1,200 metru kubu ta’ ħama mħallta maż-żejt mit-tankijiet waqt il-fażi tat-tindif. Sar ukoll xogħol estensiv fuq is-sistema tal-pajpijiet mifruxa mas-sit, fejn kull sezzjoni tbattlet, tnaddfet u mbagħad tneħħiet b’mod sistematiku. Minn dawn il-pajpijiet ġew irkuprati madwar 10,000 litru ta’ żejt li kien għad fadal.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, flimkien maċ-Chairman ta’ Petromal Inġ. James Camenzuli u s-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri, żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa, fejn ingħatat rendikont tal-fażijiet differenti tat-tneħħija tal-faċilità u tat-tħejjijiet għar-riġenerazzjoni futura tas-sit.
“Qegħdin issa naraw bidla konkreta f’sit li għal għexieren ta’ snin kien marbut mal-ħażna tal-heavy fuel oil. L-għan tagħna mhuwiex biss li nneħħu infrastruttura li m’għadhiex tintuża, iżda li nerġgħu nagħtu ħajja lil din iż-żona u nagħtuha skop ġdid li joħloq valur ambjentali, soċjali u ekonomiku għal Birżebbuġa u għall-komunitajiet fin-Nofsinhar ta’ Malta,” qalet il-Ministru Dalli.
It-tneħħija tat-tankijiet hija operazzjoni kumplessa li trid issir b’attenzjoni u b’mod ikkontrollat.
Ix-xogħol fuq it-tankijiet mistenni jkompli sa madwar l-aħħar ta’ Marzu 2027. Il-ħidma se tinkludi wkoll it-tneħħija b’attenzjoni tal-bażijiet tat-tankijiet, testijiet fuq l-art ta’ taħthom, kif ukoll it-tneħħija tal-pump house l-antika u strutturi oħra marbuta magħha. Suġġett għar-riżultati tat-testijiet ambjentali, ix-xogħol kollu biex titneħħa l-faċilità huwa mistenni jitlesta matul l-2027.
Dawn ix-xogħlijiet qed isiru fl-istess waqt li l-Gvern qed ikompli jiżviluppa l-pjanijiet għall-futur tas-sit ta’ San Luċjan, wara li ntemmet it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riġenerazzjoni tiegħu.
Il-viżjoni għaż-żona tinkludi spazji għall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, flimkien ma’ użu kulturali, rikreattiv u ta’ divertiment. Dawn se jkunu kkumplimentati minn spazji ħodor miftuħa għall-pubbliku u faċilitajiet maħsuba għall-familji.
